Friday, December 20, 2024

Theuma stqarr diversi drabi li mindu seħħ il-qtil ħajtu kienet spiċċat u għaddielu l-ħsieb li jtemm ħajtu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Melvin Theuma għadu f’qagħda kritika imma stabbli ġewwa t-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) b’uffiċjal tas-sigurtà għassa miegħu 24 siegħa kuljum.

Theuma, deskritt bħala l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iddaħħal l-Isptar Mater Dei fil-periklu tal-mewt it-Tlieta filgħaxija kawża ta’ ġrieħi serji li sofra f’idu u l-istonku.

Il-Pulizija ddikjarat li huwa ammetta li kien hu li ta b’sikkina lilu nnifsu anke jekk fuq il-media soċjali bosta kienu dawk, inkluż partitarji Nazzjonalisti, li baqgħu jiddubutaw dan.

Għalkemm kien hemm semma li huwa tilef leħnu minħabba l-ġrieħi li sofra fil-kordi vokali sorsi ta’ dan il-ġurnal qalu li huwa kmieni biex jiġi stabbilit dan.

Għalissa Theuma ma jistax jitkellem anke minħabba li qiegħed jiġi megħjun jieħu n-nifs bil-magna.

Minbarra li jirkupra mill-ġrieħi li sofra bis-sikkina, it-tobba qed jittamaw ukoll li huwa ma jkollux xi infezzjoni kawża tal-ġrieħi fl-istonku u li allura tista’ tiggrava s-sitwazzjoni.

Il-Pulizija qed tittama li huwa jaqleb għall-aħjar kemm biex tkun tista’ terġa’ tkellmu dwar dak li ġara, u tikkonferma li ma kienx hemm ‘foul play’, kif ukoll għax tqisu bħala x-xhud ewlieni f’diversi każijiet.

Minbarra li diġà xehed, u għad irid ikompli jixhed, fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech huwa mistenni li jixhed f’każijiet oħra.

Fil-fatt il-proklama li ngħata Theuma ħarġet bil-kundizzjoni li huwa mhux biss jixhed fil-kawża li għaddej minnha Fenech imma anke fuq oħrajn għalkemm s’issa mhux magħruf liema huma.

Kawża oħra li diġà xehed dwarha kienet il-kumpilazzjoni li għaddejja fil-konfront tal-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat li jinsabu mixlijin bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-Pulizija tqis lil Theuma bħala l-“ħolqa” bejn dawn it-tlieta u Fenech u għalhekk huwa vitali li jkompli jixhed.

Minn meta ġie arrestat biex jiġi investigat dwar ħasil ta’ flus u qal lill-Pulizija li kien lest jagħti informazzjoni dwar id-delitt tas-16 ta’ Ottubru 2017 Theuma beda jingħata l-protezzjoni mill-Pulizja.

Għall-bidu kien hemm żmien fejn fid-dar tiegħu fl-Ibraġġ, fejn jgħix mas-sieħba, binhom u ommha, kien qed ikun hemm sa anke żewġ pulizija ġewwa madankollu huwa iddejjaq minħabba nuqqas ta’ privatezza.

Fil-fatt minn żewġ pulizija dawn niżlu għal wieħed sakemm eventwalment ma baqax pulizija ġewwa u l-uffiċjali tas-sigurtà kienu joqogħdu barra.

Fil-ħin li ġara l-inċident tat-Tlieta l-familjari ta’ Theuma ħarġu ftit u kien meta rritornaw li ġew iffaċċjati bix-xena makabra u nfurmaw lill-pulizija li kien għassa mal-bieb.

Minn kemm ilu li ngħata l-maħfra Theuma kien qed jiġi misjuq mill-pulizija ġo vettura tas-servizz kull fejn kellu bżonn imur inkluż fil-Qorti biex jixhed.

Huwa stqarr diversi drabi li mindu seħħ il-qtil ħajtu spiċċat u li anke kien għaddielu l-ħsieb li jtemm ħajtu.

Ekonomija

Sport