Il-maltempata Harry li laqtet lil pajjiżna din il-ġimgħa ħalliet ħerba sħiħa f’diversi postijiet madwar il-pajjiż, b’wieħed mill-aktar li ntlaqat kienet iż-żona ta’ Għar Lapsi, fejn illum bilkemm tintgħaraf minn dak li kienet qabel il-maltempata.
Ilbieraħ, ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kienu fuq il-post biex jevalwaw inizjalment il-ħsarat li saru u x’rimedji huma meħtieġa li jsiru biex il-post jiġi rranġat. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-aċċess għall-bajja ġie magħluq u aktarx li jibqa’ hekk sakemm jinbdew u jitlestew ix-xogħlijiet meħtieġa.
Ġurnalisti ta’ dan is-sit marru fuq il-post isegwu x’kien għaddej filwaqt li ħadu l-kumment tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mix-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia li spjega li wara l-ħsarat estensivi li ġarrab Għar Lapsi, l-ewwel li jrid isir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni sabiex tiġi kwantifikata l-ħsara li saret lil din iż-żona.
Huwa qal ukoll li l-ħidma se tinkludi wkoll għajnuna lis-sajjieda u lis-sidien tal-garaxxijiet. Wara jitneħħew ostakli li hemm fil-post u mbagħad se ssir konsultazzjoni man-nies biex jgħidu x’jixtiequ li jsir f’Għar Lapsi.
“Naħseb li dik hija t-triq ’il quddiem biex verament dan il-post jerġa’ jingħata lura lill-poplu,” tenna s-Segretarju Parlamentari Farrugia.

