Saturday, December 21, 2024

TIBDA L-ĦIDMA TA’ GVERN ĠDID LABURISTA

Aqra wkoll

Ir-rebħa kbira li kiseb il-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li għadda kienet waħda li se tibqa’ mnaqqxa fl-istorja ta’ dan il-pajjiż. Dan hekk kif il-poplu, li huwa sovran, ta mandat b’saħħtu lill-Prim Ministru Robert Abela biex ikun jista’ jmexxi lil dan il-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin.

Id-distakk ta’ aktar minn 39,000 vot favur il-Partit Laburista minnu nnifsu huwa indikattiv li l-poplu jixtieq ikompli miexi fit-triq it-tajba li qbadna. Iżda lil hinn mid-distakk, għalkemm hu wieħed sostanzjali, jeħtieġ li tingħata iżjed attenzjoni lil dawk li b’xi mod jew ieħor jinsabu mweġġa’ u li baqgħu ma pparteċipawx f’dan il-proċess demokratiku li jiġi darba kull ħames snin. 

Il-Prim Ministru nnifsu diġà ta indikazzjoni li hekk se jkun qed jagħmel bl-umiltà se tkun dik li tikkaratterizza din it-tmexxija. Huwa kien ċar ukoll fi kliemu meta indirizza lill-eluf ta’ partitarji li nġabru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista wara l-akbar rebħa Laburista, meta qal li l-Gvern u l-pajjiż għandu bżonn il-kontribut ta’ dawn l-individwi. 

Nemmnu li rridu nkomplu naħdmu flimkien fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali biex b’hekk ikompli jinħoloq aktar ġid f’dan il-pajjiż. Issa bdiet il-ħidma ta’ Gvern ġdid Laburista, wara li Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Ministru.

Ma setax jonqos li fi triqtu mill-Palazz tal-President lejn Pjazza Kastilja, il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn ċapċipa kontinwa mill-partitarji Laburisti li nġabru sa minn sigħat qabel. L-għajta li dwiet kienet waħda b’saħħitha ta’ “Robert! Robert! Robert!” 

Nemmnu li din tikkonferma dak li qal l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara li tħabbret it-tielet rebħa Laburista infila. Muscat ma darx mal-lewża u qal li rebħa oħra daqstant kbira tfisser li l-moviment li wellidna flimkien mhux biss għadu ħaj, iżda hu aktar b’saħħtu minn qatt qabel.

Min-naħa tagħhom dawk preżenti meta mistoqsijin mill-ġurnalisti preżenti qalu li l-folla daqstant kbira hija waħda li jimmerita l-Prim Ministru li kien wera bil-provi li kien kapaċi jbaħħar fil-maltemp. Fost miżuri li tkellmu dwarhom kien hemm l-għajnuniet li ngħataw lil dawk li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom, żieda fil-benefiċċji bħalma huma ċ-childcare għal kulħadd u żieda fiċ-childrens allowance u żieda fil-pensjonijiet fost l-oħrajn.

Nemmnu li mal-mixja tiegħu lejn Kastilja l-Prim Ministru ma kienx għaddej biss minn maġenb partitarji Laburisti, iżda minn maġenb persuni li ħajjithom tjiebet b’deċiżjonijiet diffiċli li hu kellu jieħu f’dawn l-aħħar xhur ta’ tmexxija.

Ekonomija

Sport