Wednesday, December 25, 2024

Tibda l-iskema “Safer Neighbourhood” tal-MDA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) mill-bieraħ bdiet bl-iskema “Safer Neighbourhood” li permezz tagħha s-sidien ta’ proprjetajiet li jmissu ma’ proġetti ta’ żvilupp, huma mħeġġa jqabbdu perit tal-għażla tagħhom biex jagħmel rapport tekniku tax-xogħol li jkun qiegħed isir ma’ ġembhom. 

L-għan tal-iskema mill-MDA huwa li jinħoloq ambjent aħjar, sigur  u ta’ livell għoli fil-qasam tal-iżvilupp lokali u li l-ġirien ta’ proġetti bħal dawn, ikollhom moħħhom mistrieħ li jkunu qegħdin segwiti l-aqwa prattiċi possibbli fix-xogħol tal-bini.

L-iskema “Safer Neighbourhood” tapplika għall-proġetti kollha li jinħarġilhom l-Avviż ta’ Bidu ta’ Xogħlijiet mill-1 ta’ Settembru 2020. 

Is-sidien ta’ proprjetajiet li jmissu ma’ proġetti ta’ żvilupp fosthom skavar u kostruzzjoni, li jkunu qegħdin isiru minn membru mill-istess Assoċjazzjoni, jistgħu jqabbdu perit tal-għażla tagħhom biex jevalwa l-method statement u l-condition imħejji mill-perit tal-iżviluppatur skont il-liġi. 

L-ispejjeż għall-perit tal-ġirien se jitħallsu mill-iżviluppatur innifsu kemm jekk huwa fuq bażi individwali, kif ukoll jekk l-iżviluppatur huwa kumpanija.

F’każ li l-ġirien joqogħdu fi blokka ta’ appartamenti s-sidien, bi qbil, xorta waħda jagħżlu perit li jridu. L-iżviluppatur, li ma jindaħalx fl-għażla tal-perit, iżda huwa responsabbli biss li jirrifondi l-ispejjez lill-ġirien hekk kif jippreżentawlu kopja tar-rapport u rċevuta fiskali tal-ispejjeż involuti. 

L-MDA se tieħu ħsieb li l-pubbliku jagħraf is-siti ta’ kostruzzjoni u żvilupp tal-membri tagħha permezz ta’ avviż informattiv tal-iskema li jitwaħħal mill-iżviluppatur membru tagħha fuq is-sit ta’ kostruzzjoni. 

Din l-iskema għandha toffri serħan il-moħħ ta’ dawk kollha involuti fi proġetti ta’ kostruzzjoni u żvilupp, b’mod speċjali s-sidien ġara ta’ bini biswit is-siti inkwistjoni.

Ekonomija

Sport