Friday, December 13, 2024

Tibda tasal l-ewwel għajnuna umanitarja ġewwa Tonga

Aqra wkoll

Matul l-aħħar sigħat bdiet tasal l-ewwel għajnuna umanitarja ġewwa Tonga, għajnuna li hija kruċjali għaċ-ċittadini li qed jgħixu f’sofferenzi minħabba t-tsunami qalil li laqat lil dan il-pajjiż wara żbroff ta’ vulkan. 

New Zealand qalet li ajruplan militari mimli bil-provvisti niżel ġewwa l-ajruport ta’ Tonga wara ħidma intensiva biex ir-runway tiġi mnaddfa mill-irmied ikkaważat mill-iżbroff. L-Awstralja wkoll ikkonfermat li l-ewwel kunsinni ta’ provvisti li hija bagħtet waslu bla problemi. Hu mifhum li minn tal-inqas tliet persuni tilfu ħajjithom f’dan id-diżastru naturali. 

Fl-aħħar sigħat il-pajjiż ta’ Tonga beda bil-mod il-mod jerġa’ jibda jistabbilixxi komunikazzjoni mal-bqija tad-dinja u dan hekk kif il-mezzi ta’ komunikazzjoni kienu waqfu jaħdmu minħabba ħsarat estensivi kkawżati mit-tsunami. Is-sistemi tal-internet f’dan il-pajjiż jinsabu limitati ħafna u dan hekk kif l-uniku cable li jgħaqqad lil dan il-pajjiż mal-bqija tad-dinja nqata’, u dan irid numru ta’ ġimgħat biex jinbidel. Fil-preżent kumpanija partikolari qiegħda tipprovdi internet kif tista’, iżda d-domanda tant hija għolja li s-sistema mhix qed tlaħħaq.

Ekonomija

Sport