Dawk li fl-imgħoddi kienu magħrufa bħala pumpiera evolvew u dan mhux biss fit-titlu ta’ Uffiċjali tas-Salvataġġ u l-Assistenza, kif ukoll fit-tagħmir sofistikati u modern tagħhom, iżda anke għall-fatt li fost dawn il-ħaddiema “eroj” insibu uffiċjali nisa.
F’Malta, tliet snin ilu, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili impjega tliet nisa li għażlu dan ix-xogħol perikoluż għas-servizz tal-pubbliku. Dawn l-uffiċjali nisa jridu jitħarrġu għal sitt xhur sħaħ spalla ma’ spalla ma’ rekluti rġiel, iridu jgħaddu minn eżami mediku, ma jibżgħux mid-dlam, mill-ispazji magħluqa, kif ukoll mill-għoli u bħala s-sess “ġentili” n-natura tirrikjedi li jistinkaw iżjed mill-kollegi irġiel tagħhom għas-saħħa meħtieġa f’din il-ħidma tant importanti.
Talk.mt ltaqa’ ma’ waħda minnhom, Leanne Newell li għandha 33 sena. Wieħed mill-ewwel jinnota kemm fiżikament din il-mara hija mħarrġa u ppreparata għal kull sejħa ta’ salvataġġ u assistenza li tidħol fl-istazzjon ta’ Kordin li hija assenjata fih. Bint pumpier li minn ċkunita kienet tkun miegħu fuq il-post tax-xogħol u ssegwi dak kollu li jkun qiegħed jagħmel, Leanne tgħidilna li minn dejjem kellha l-ħajra li ssegwi fuq il-passi tiegħu.
Għalkemm kien hemm żmien fejn hija stess kienet xi ftit xettika kemm il-ħolma tagħha tista’ ssir realtà, hija ppersistiet u fil-fatt wara tliet snin volontiera mad-Dipartiment, fl-2019 ingħaqdet bħala uffiċjal fuq bażi full time. Minn dakinhar ‘l hawn Leanne dejjem baqgħet pożittiva u tħares ‘il quddiem. Dan minkejja li l-isfidi tax-xogħol mhumiex żgħar anke minħabba l-fatt li f’xi interventi esperjenzat il-mewt, mewt ta’ persuni li dejjem se jibqgħu ttimbrati f’moħħha.
“Minkejja li mhuwiex il-każ u mhux minnu, moħħok qisu jibda jġiegħlek taħseb li forsi stajt għamilt xi ħaġa aħjar, li forsi stajna nsibuha qabel, li forsi stajna salvajniha … Meta ssalva tħossok li għamilt xogħlok sew u l-moral jogħla”
Għal Leanne l-aktar esperjenzi iebsin kienu dak ta’ Miriam li ġġarrfet id-dar fuqha f’Santa Venera u ta’ anzjana f’Ħal Tarxien li nstabet bla ħajja fuq is-sodda tagħha wara li r-residenza li kienet fiha nħakmet minn nirien. Tgħidilna kif, minkejja li ċ-ċans ta’ riżultat pożittiv ikun minimu, hija xorta tfittex bit-tama li ssib lil xi ħadd ħaj.