Sunday, December 29, 2024

TIBDIL LI JAGĦTI KURAĠĠ LILL-BDIEWA ĠENWINI

Aqra wkoll

Is-serħan il-moħħ huwa prinċipju fundamentali fl-istrateġija ta’ dan il-gvern biex ikompli jfassal il-pjan li wassal biex l-ekonomija tagħna tibqa’ waħda b’saħħitha quddiem diversi sfidi. Dawn tal-aħħar sentejn ma kinux sfidi minuri, anzi għall-kuntrarju wasslu biex numru ta’ negozji fuq livell globali sofrew dannu finanzjarju enormi u oħrajn li saħansitra kellhom jagħlqu l-bibien. 

Fost l-akbar tħassib għall-bniedem, minkejja li f’dinja moderna fuq il-midja soċjali ħafna drabi jiffoka fuq ħajja ta’ lussu bħalma huwa s-safar, ċertament jibqa’ dak ta’ x’se jiekol u hawnhekk nemmnu li kellha tkun pandemija li ssaffar s-suffara tal-allarm li l-kultivazzjoni tal-ikel hija xi ħaġa li kull pajjiż irid jinvesti fiha. Naħseb kulħadd jiftakar meta kien hawn domanda rigward jekk pajjiżna kienx se jmur għal lockdown. Kellek ħafna familji li ġrew lejn l-istabbilimenti biex jaħżnu ikel li ħafna minnu saħansitra kellu data ta’ skadenza. 

Minħabba ċertu deċiżjonijiet li ttieħdu, anke minkejja kritika fejn jidħol il-qasam tas-saħħa, pajjiżna baqa’ wieħed reżiljenti u minkejja Oppożizzjoni li kontinwament insistiet li l-gvern kellu jmur għal lockdown. Minkejja dan, din is-sejħa kontinwa wasslet għal mistoqsija li t-tweġiba tagħha fil-verità hija iebsa biex tinxtarr. Ħafna staqsew jekk pajjiżna hux kapaċi jfendi bil-kultivazzjoni lokali b’mod speċjali dik ġejja minn art agrikola. Mhux xi sigriet li sfortunatament ħafna bdiewa matul is-snin tgerrxu mis-settur minħabba inġustizzji dwar il-valutazzjoni tat-titlu. 

Nemmnu li t-tnedija tar-riforma u l-emendi suġġeriti huma pass meħtieġ lejn id-direzzjoni t-tajba biex jitwaqqfu ċertu inġustizzji li fl-aħħar snin raw kawżi jinqatgħu kontra l-bdiewa. Kellek sistema li fiha l-bidwi kellu jħallas kirjiet li meta tagħmel ftit kalkoli ssib li b’dawn l-ispejjeż, mhux talli ma kien se jibqagħlu xejn fil-but, iżda talli se jkun ħadem b’telf. 

Nemmnu li t-titlu ta’ professjoni jitlob pariri minn persuni li jkunu fil-qasam u s’issa kellek Maġistrati li huma u jisimgħu l-kawżi kienu qegħdin jagħtu l-ġudizzju tagħhom fuq l-evalwazzjoni tal-periti. Il-periti li kienu qegħdin jagħmlu kien li kienu qegħdin jagħmlu valutazzjoni ta’ prezz ibbażat fuq is-suq tal-artijiet inġenerali. Fl-istess perjodu tal-pandemija kellek persuni finanzjarjament b’saħħithom li daru għal artijiet agrikoli biex igawdu ħin ta’ rikreazzjoni u dan wassal biex il-prezzijiet għolew drastikament b’deterrent fuq il-bdiewa u sussegwentament fuq il-produzzjoni tal-ikel għax ħadd mhu se jidħol biex jaħdem bit-telf.

Nemmnu li hija xi ħaġa pożittiva ferm li jkollok gvern li jitkellem dwar il-bżonn li ninċentivaw bdiewa ġenwini u li ssir distinzjoni bejn bdiewa li jgħixu mill-art agrikola, bdiewa part time, dilettanti u dawk li għandhom l-art mingħajr ebda skop għaliha. Madanakollu issa l-bdiewa qegħdin ċertament jistennew li mill-kliem sabiħ ngħaddu għall-fatti u kemm dan l-istess gvern se jirreżisti pressjoni li se ssir mis-sidien li b’din l-emenda se jkunu qegħdin idaħħlu inqas mill-prezz skont is-suq inġenerali. Il-bidwi qiegħed jittama li jingħata l-għajnuna biex ikun jista’ jkompli bil-kultivazzjoni tal-art agrikola. Dawn l-emendi proposti u l-miżuri fil-White Paper ippreżentata jistgħu jkunu ċ-ċavetta għal serħan il-moħħ kemm għall-bidwi kif ukoll għall-poplu li jaf li meta se jfittex il-prodott lokali, se jibqa’ jsibu fuq l-ixkafef tal-istabbilimenti madwar il-pajjiż kollu. Barra minn hekk il-ħidma dwar dawn id-dokumenti issa tkompli bil-konsultazzjoni li hija kruċjali biex jinħoloq il-bilanċ bejn is-sid u l-bidwi b’tali mod li mhux biss jiġu solvuti l-kawżi pendenti, iżda li jiġu evitati argumenti oħrajn simili.

Ekonomija

Sport