Tuesday, December 24, 2024

“Tibkix” is-silta l-ġdida ta’ Kapitlu Tlettax dwar l-addozzjoni u l-piż li ġġorr magħha

“Nixtieq illi nista’ mmur lura fil-post fejn ktibt il-futur”

Aqra wkoll

Il-grupp tal-hip hop Malti Kapitlu Tlettax ippubblika silta ġdida li ġġib l-isem Tibkix, kollaborazzjoni ma’ Aleera de Lune, Patrick Gaffiero, Krista Bajada kif ukoll Maria Cini, il-vjolinista u kantanta li llum il-ġurnata saret wiċċ familjari għal dawk kollha li jsegwu l-mużika ta’ dan il-grupp b’mod.

YouTube video

Permezz ta’ vidjo qasir li ġie ppubblikat fuq il-paġni tal-midja soċjali tagħhom lura fit-30 ta’ Jannar, huma stqarru li din is-silta titkellem dwar ‘l-istorja vera tagħna t-tnejn, storja ġa missejna xi ftit f’intervent li kellna fuq it-televixin … l-addozzjoni u l-piż li ġġorr magħha.’

Għal darb’oħra, il-lirika ta’ Joseph Mario Calleja titkellem fuq esperjenza personali, iżda tinkludi diversi referenzi li kulħadd possibilment jista’ japplika kemm għal ħajtu, kif ukoll għal ħajjet ħaddieħor.

Ir-rilaxx ta’ Tibkix huwa l-ewwel wieħed tas-sena 2023, u jiġi madwar xahar qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika, fejn għat-tieni sena konsekuttiva kwalifikaw bħala semifinailisti. Wiċċ B’Ieħor hija kollaborazzjoni ma’ Julie Pomorski, b’lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u Joseph Mario Calleja, u kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar, Joseph Mario Calleja, Edward Magri u Julie Pomorski.

“Min qallek li jien qatt xi darba ddubitajt li int lili le ma tħobbnix, huwa vers b’saħħtu li jkexkini, għaliex l-imħabba li jiena sibt mingħand ommi b’mod partikolari kienet ir-raġuni li llum qiegħed hawn, naħdem fuq materjal oriġinali.” jgħid Joseph Mario Calleja filwaqt li jżid jgħid, “nittama li din is-silta possibilment tagħti wens lil dawk li qatt ħassewhom emarġinati għaliex huma addotati.”

Jekk tixtiequ tisimgħu Tibkix, intom tistgħu tagħmlu dan, hawn: http://facebook.com/kapitlu. Il-kanzunetta għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.

Ekonomija

Sport