“Wara li tressaq il-Qorti b’arrest hu beda jidgħi u jgħajjat ripetutament fil-bini tal-Qorti għax skont hu l-Uffiċjal Prosekutur “tefagħtu l-ħabs għalxejn”. F’ħin minnhom ħares lejn l-Uffiċjal Prosekutur u qalilha “int għalxejn tfajtni l-ħabs. Tibżax… issa jasal iż-żmien li noħroġ.” Ċertament din hija theddida serja fil-konfront ta’ spettur li kienet qed taqdi d-doveri tagħha skont il-liġi, u huwa totalment inaċċettabbli li għax qdiet id-doveri tagħha, hi tiġi rinfaċċata bi kliem verbali abbużiv u saħansitra ta’ theddid.”
Dan iddikjaratu l-Qorti f’sentenza li tat fil-konfront ta’ Emanuel Bianchi ta’ 38 sena dwar akkużi ta’ serq ta’ speakers minn vetturi, serq ta’ basket minn vettura, ksur ta’ paċi pubblika, theddid fuq uffiċjal pubbliku.
Rigward il-piena, il-Qorti kkunsidrat li Bianchi għandu fedina penali raffrettarja bi 18-il kundanna, li fosthom ħamsa minnhom għal serq ikkwalifikat, sitt kundanni għal ksur tal-liġijiet tas-sewqan, kundanna li kkaġuna ferita ta’ natura ħafifa, u tlett kundanni għal pussess sempliċi ta’ droga. Intqal li hu ngħata diversi opportunitajiet minn dawn il-Qrati, fosthom żewġ ordnijiet ta’ liberazzjoni kondizzjonata, sentenza sospiża u żewġ ordnijiet ta’ probation, però huwa ovvju li Bianchi baqa’ jistina rasu fit-triq li qabad tal-kriminalità.
Mis-sentenza jirriżulta li “f’rapport tal-24 ta’ Jannar 2022, l-Uffiċjal tal-Probation osservat li għalkemm Bianchi reġa’ wera x-xewqa li jagħmel programm ieħor ta’ rijabilitazzjoni, hija nnotat li jixtieq isegwi programm biss “skont it-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu”. Fil-fatt huwa nsista li jrid isegwi dan il-programm mal-Aġenzija Sedqa biss, flimkien mas-sieħba tiegħu u dment li t-tnejn li huma jkunu għadhom il-ħabs.”
Intqal li “f’dan ir-rapport, l-Ufficjal tal-Probation tgħid hekk: “fattur ieħor inkwetati hu li l-Uffiċjal tal-Probation innutat li Bianchi jadotta attitudni lejn is-sitwazzjoni fil-ħajja tiegħu daqslikieku xejn mhu ta’ importanza. Jidher li għal Emanuel Bianchi ma tagħmilx differenza jiġix aċċettat il-programm, jibqa’ l-ħabs jew jingħatax il-ħelsien mill-arrest jew inkella jgħix barra mingħajr akkomodazzjoni fissa. Hu sostna li jieħu l-ħajja ġurnata b’ġurnata. Dan juri nuqqas ta’ motivazzjoni serja sabiex verament jindirizza l-problema tad-droga u finalment jieqaf jadotta l-istil ta’ ħajja kaotika li kien jinsab fiha qabel daħal il-ħabs.”
Mill-istess rapport, jirriżulta li l-imputat ma kien għadu għamel l-ebda pjan jew struttura konkreta sabiex jibda l-programm mal-Aġenzija Sedqa. Kien hawn fejn il-Qorti qalet li għandha dubji serji dwar kemm Bianchi għandu verament motivazzjoni serja li jagħmel dan il-progamm. Osservat ukoll li l-imputat kien qabad jidgħi fil-Qorti għax skont hu l-uffiċjal prosekutur “tefgħatu l-ħabs għalxejn.”
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu tliet snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ €2,000. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-ħati, li tipprovdi għas-sigurtà tal-Ispettur inkwistjoni, għall-perjodu ta’ tliet snin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anthony Scerri.