Saturday, May 4, 2024

Tifla ta’ 14-il sena tinġabar darbtejn fil-ġimgħa minn quddiem l-Għassa

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ommha abbandunatha u kellha diversi relazzjonijiet ma’ rġiel u minn dawn kien hemm ukoll l-ulied

Tifla li llum għandha 14-il sena u li għal dawn l-aħħar seba’ snin kienet f’nofs battalja bejn il-ġenituri, se tibda tinġabar darbtejn fil-ġimgħa minn quddiem għassa tal-Pulizija. Fil-fatt, wara li f’ġurnata partikolari f’nofs il-ġimgħa se tinġabar mill-iskola mill-missier hi se terġa’ tittieħed quddiem l-għassa fis-6.00 ta’ filgħaxija biex tinġabar minn nanniet, waqt li għal tmiem il-ġimgħa trid tittieħed minn nanniet l-għassa tinġabar minn hemm mill-missier u wara nofsinhar terġa’ tittieħed hemm mill-missier biex tinġabar minn nanniet.  F’dan il-każ, li l-Qorti ddeċidiet li t-tifla tibqa’ tgħix man-nanniet, minkejja li l-omm marret quddiem il-Qorti tal-Familja fejn talbet li tingħata l-kustodja tat-tifla. Hi akkużat lill-missier it-tifla li kien vjolenti magħha, akkużi li hu ċaħad. Il-missier minn naħa tiegħu akkuża lil omm li qabdet u telqet mid-dar biex tgħix ma’ raġel ieħor u ħalliet lit-tifla waħedha, tant li l-istess tifla kienet għamlet 10 sigħat waħidha. 

Is-sentenza tal-Qorti, tikkwota lil psikologu li eżamina lil din it-tifla fejn qal li “mis-sessjoni li kelli mat-tifla jidher ċar li t-tifla b’mod kategoriku ma’ tridx li jkollha relazzjoni ma’ ommha. It-tifla għandha memorji negattivi ħafna ta’ ommha. Tħoss li ommha abbandunata u ma kinitx preżenti f’mumenti mportanti f’ħajjitha. It-tifla titħasseb serjament dwar il-kwalitajiet materni ta’ ommha. Ma tifhimx kif kienet assenti għal snin twal u issa tridha f’ħajjitha. Fi kliem ieħor, it-tifla għandha idea negattiva ħafna ta’ ommha u tħoss li hija persuna manipulattiva u egoista. It-tifla tikkritika l-fatt li ommha kellha diversi relazzjonijiet ma’ rġiel u li minn dawn id-diversi relazzjonijiet kien hemm l-ulied. B’mod kostanti fis-sessjoni kollha it-tifla baqgħet ssostni l-istess verżjoni, jiġifieri li ma tridx tistabbilixxi relazzjoni ma’ ommha.  B’mod metaforiku f’dan il-każ qiegħda tiġi applikata l-liġi ta’ trobbija tal-ulied (parenting skills) li tgħid “dak li tiżra taħsad”. Meta wieħed ma jiżra xejn, għax ma jieħux ħsieb b’mod responsabbli r-relazzjoni mal-ulied, jispiċċa li ma jaħsad xejn. U allura ma tistax tippretendi li taħsad il-frott (relazzjoni pożittiva mal-ulied) meta ma tkun żrajt xejn. Għalhekk b’dispjaċir u fl-istess ħin b’responsabilità nivvaluta li mhux fl-interess għall-minuri  tat-tifla li tiġi stabbilità relazzjoni ma’ l-omm.” 

Il-Qorti qalet li l-minuri twieldet minn relazzjoni intima li l-partijiet kellhom bejniethom. Għalkemm inizzjalment ir-relazzjoni jidher illi kienet waħda feliċi maż-żmien ir-relazzjoni xxelfet u l-partijiet temmew ir-relazzjoni ta’ bejniethom.  Qalet li l-verżjoni tal-omm hija li r-relazzjoni xxelfet konsegwenza ta’ aġir abbużiv u vjolenti da parti tal-konvenut. Mill-banda l-oħra, ir-raġel jgħid illi kienet proprju l-omm li waqqfet ir-relazzjoni, telqet mid-dar ħabta u sabta u ħalliet lill-minuri warajha. 

Intqal li mill-atti jirriżulta li konsegwenza tat-tilwim bejn il-ġenituri l-attriċi ħassitha kostretta titlaq mid-dar, senjatament l-appartament li fih kienet qiegħda tgħix flimkien mal-missier u binthom minuri. Hija l-ommstess illi tgħid illi għażlet li tħalli lill-minuri warajha għar-raġuni illi dak iż-żmien ma kelliex fejn tmur u għalhekk ma kelliex saqaf x’toffri lill-minuri. Ħasset għalhekk illi jkun aktar għaqli li l-minuri tibqa’ mal-missier fl-appartament fejn kienu jgħixu.  Jirriżulta illi l-attriċi kellha ħajja xi ftit turbolenti. Ta’ sbatax (17)-il sena bdiet toħroġ mal-missier u sitt xhur biss wara li bdew din ir-relazzjoni l-attriċi ħarġet tqila. Minn kopja tar-rapporti li saru mal-Pulizija Eżekuttiva  jidher illi r-relazzjoni bejn l-omm u l-missier xellfet ir-relazzjoni li l-omm kellha mal-ġenituri tagħha. Jirriżulta wkoll li l-omm għal xi perijodu ma kelliex stabbilità fil-ħajja tagħha u dan mhux biss għax ma kelliex residenza fissa iżda għaliex lanqas kellha impjieg regolari fuq medda ta’ żmien. Dan apparti l-fatt illi jirriżulta li l-omm kellha diversi relazzjonijiet ma’ rġiel oħra u minn dawn ir-relazzjonijiet kellha wkoll l-ulied. 

Il-Qorti qalet li mir-rapporti  tal-ħaddiema soċjali jidher bil-wisq evidenti li l-omm kienet persuna instabbli maħkuma minn relazzjonijiet abbużivi tant illi f’punt minnhom qatgħet kull kuntatt ma’ bintha għar-raġuni li s-sieħeb tagħha ta’ dak iż-żmien ġiegħlha tagħżel bejnu u bejn bintha. Sfortunatament il-minuri spiċċat issofri l-konsegwenzi ta’ dan kollu billi ġiet imċaħħda minn ommha tant li ħassitha rifjutatha minn ommha. 

Madanakollu, minkejja kemm diffikultajiet u turbolenzi, l-omm għamlet sforz illi tattendi għal-sessjonijiet ta’ counselling u llum jidher illi stabbiliet ruħha f’lokal b’mod permanenti u jidher ukoll illi tinsab f’impjieg. 

Il-Qorti tgħid li l-omm qed tgħid li l-minuri kienet mgħowwija minn missierha kontra ommha u li saħansitra l-minuri kienet qiegħda tiġi maħqura u msawwta. Tajjeb jingħad illi għalkemm jidher li sar rapport f’dan ir-rigward, ir-rapport relattiv baqa’ ma ġiex eżebit fl-atti. Lanqas ma huwa magħruf jekk ittiħdux passi fil-konfront tal-missier. 

Il-Qorti qalet li “l-fehma ferm meqjusa ta’ din il-Qorti li t-turbolenzi fil-ħajja tal-omm kellhom impatt fuq il-minuri li f’xi żmien ħassitha abbandunata minn ommha. Il-Qorti qieset ukoll li l-omm kellha diversi relazzjonijiet ma’ rġiel oħra u minn dawn ir-relazzjonijiet kellha wkoll l-ulied. Qieset ukoll in-nuqqas ta’ stabbiltà b’mod ġenerali fil-ħajja tal-omm. Il-Qorti hija tal-fehma li fil-preżent, minħabba iċ-ċirkostanzi kollha ta’ dan il-każ, ikun aktar għaqli jekk il-kura u l-kustodja tal-minuri tibqa’ fdata f’idejn in-nanniet materni. Żgur illi n-nanniet materni jistgħu fil-preżent joffru aktar stabbilità lill-minuri li llum tgħodd erbatax (14)-il sena u qiegħda f’fażi kritika ta’ żvilupp emozzjonali, fiżiku u edukattiv u għalhekk teħtieġ li tkun fdata f’idejn responsabbli. 

In kwantu għall-aċċess tal-partijiet għall-minuri binthom, ikun għaqli jekk dawn jilħqu ftehim bejniethom, ftehim illi jkun jirrifletti l-eżiġenzi tal-partijiet kollha involuti partikolarment dawk tal-minuri. Madanakollu, peress illi teżisti diffikulta’ serja ta’ komunikazzjoni bejn il-partijiet, il-Qorti tqis opportun illi tipprovdi modalita’ t’aċċess sabiex jekk il-partijiet jonqsu milli jiftehmu bejniethom għar-rigward, allura jkunu jistgħu isegwu l-modalita’ stabbilita’ mill-Qorti.”

Sport