Jinstab mobile phone ieħor f’ċella ta’ priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Il-Ministru Glenn Bedingfield: “Mhu se nħarsu lejn wiċċ ħadd”

Aqra wkoll

Waqt operazzjoni li saret fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, instab mobile phone ieħor fil-pussess ta’ priġunier, wara tfittxija li saret fiċ-ċella tiegħu.

L-operazzjoni bdiet għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija u kienet immexxija mill-Pulizija flimkien ma’ uffiċjali tal-ħabs. Din it-tfittxija saret bħala parti minn investigazzjoni li ilha għaddejja għal bosta ġimgħat.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, ħabbar dan permezz ta’ messaġġ, fejn spjega li l-ħidma tal-awtoritajiet qed tkompli tagħti r-riżultati sabiex jinqata’ kull tip ta’ abbuż fil-ħabs.

Il-Ministru saħaq li l-awtoritajiet se jibqgħu jinvestigaw u jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li ma jkunx hemm persuni li jiksru r-regolamenti u jippruvaw idaħħlu jew iżommu oġġetti projbiti fil-faċilità korrettiva.

“L-isforzi tal-awtoritajiet qed iħallu riżultati biex jinqata’ kull abbuż. Se nibqgħu ninvestigaw u, kif diġà għidt bosta drabi, mhu se nħarsu lejn wiċċ ħadd,” qal il-Ministru.

Is-sejba ta’ dan il-mobile phone hija parti mill-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet biex isaħħu s-sigurtà u l-kontrolli fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-investigazzjoni dwar il-każ għadha għaddejja.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport