Friday, November 29, 2024

Tidħol fiċ-ċirkolazzjoni l-Karta tal-Identità Maltija l-ġdida

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mil-lum, kull min iġedded jew japplika għall-Karta tal-Identità Maltija se tinħariġlu waħda ġdida li hija teknoloġikament avvanzata li tinkludi fiha numru ta’ security features ġodda, immirati biex iħarsu aħjar l-identità tal-persuna u jagħmluha aktar diffiċli biex tiffalsifika.

It-tnedija ta’ din il-Karta tal-Identità saret fl-uffiċini ta’ Identity Malta fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela fejn saħaq li quddiem it-theddida globali tal-iffalsifikar tad-dokumenti u s-serq tal-identità, pajjiżna għal darb’oħra qed ikun pro-attiv.

Fil-fatt pajjiżna hu fost l-ewwel pajjiżi membri li qed ivara dan id-dokument skont l-aħħar regolamenti maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. Spjega kif wara li aktar kmieni din is-sena l-passaport Malti l-ġdid rebaħ il-premju prestiġġjuż għall-aktar dokument sigur fir-reġjun, il-Gvern Malti ħaseb sabiex id-dokument ta’ identità ewlieni Malti ssirlu qabża oħra fil-kwalità bl-użu tal-aħħar avvanzata.

“Permezz tal-Aġenzija Identity Malta, dan il-Gvern qiegħed juri kemm jieħu bis-serjetà l-ħarsien tal-identità tal-individwu. Għaliex illum, fid-dinja moderna li qed ngħixu fiha, li jkollok identità sigura għandu jitqies bħala jedd fundamentali,” qal Dr Abela.

L-introduzzjoni tal-karta tal-identità l-ġdida tinkwadra sew fl-istrateġija diġitali tal-Gvern għaliex permezz tagħha d-detentur jista’ jibda jiffirma dokumenti b’mod diġitali kif ukoll jaċċessa u jivverifika l-awtentiċità tiegħu meta jagħmel użu minn numru ta’ servizzi governattivi online.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta s-Sur Anton Sevasta spjega kif id-dettalji tad-detentur se jkunu laser-engraved fuq materjal polycarbonate substrate bl-iswed u l-abjad, li hu materjal b’saħħtu ħafna fih innifsu u li jagħmilha ferm diffiċli biex id-dokument ikun imbagħbas mingħajr ebda traċċi ta’ attakk. Barra minn hekk, il-Karta tal-Identità l-ġdida hija waħda contactless u d-data maħżuna fuqha tista’ tiġi aċċessata biss bl-użu tal-Card Access Number li hu stampat fuq quddiem tal-karta jew maħżun fil-QR code fuq wara. Il-ħsieb wara dan hu biex nipproteġu aktar lid-detentur milli jinsterqulu d-dettalji personali tiegħu.

Il-bidla għall-karta tal-identità l-ġdida se tkun waħda gradwali u din id-darba mhux se jkun hemm mass rollout. Karti tal-identità validi fiċ-ċirkolazzjoni jibqgħu tajbin sad-data ta’ skadenza tagħhom. Dawk eżistenti diġà jikkonformaw ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, iżda dawk ġodda se jagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija biex jipprevjenu aktar il-falsifikazzjoni tad-dokument.

Il-karta tal-identità Maltija li tinħareġ biss liċ-ċittadini Maltin ġiet iddisinjata biex tħares iktar l-identità tal-persuna, bil-prodott finali jkun wieħed ta’ kwalità għolja.

Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

Sport