Saturday, December 21, 2024

Tidħol fis-seħħ il-liġi kontra l-isterilizzazzjoni sfurzata

Aqra wkoll

Hekk kif id-dinja tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tal-Mara, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat ħabbar li daħlet fis-seħħ il-liġi kontra l-isterilizzazzjoni sfurzata, liema liġi se tkompli tħares u tissalvagwardja d-drittijiet tan-nisa, b’mod partikolari dawk b’diżabilità.

Malta hija l-10 pajjiż madwar id-dinja li qed tipprojbixxi l-isterilizzazzjoni sfurzata. Id-deċiżjoni li ħadet Malta tkompli titfa’ dawl fuq il-bżonn ta’ leġiżlazzjoni progressiva fil-ġlieda globali għad-drittijiet tan-nisa b’diżabilità, filwaqt li sservi ta’ rebħa għall-ġustizzja u l-ugwaljanza.

Hekk kif 25.9% tal-popolazzjoni Ewropea tan-nisa tgħix b’diżabilità, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli ħeġġet aktar pajjiżi Ewropej sabiex jimxu fuq il-passi ta’ Malta u jkomplu jaġġornaw u jimmodernizzaw il-qafas leġiżlattiv tagħhom sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tan-nisa, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.

Il-Ministru Farrugia Portelli faħħret il-ħidma li ssir mill-ħaddiema u l-caregivers kollha li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità, b’mod partikolari l-impjegati tal-Aġenzija Sapport, li aktar minn 75% huma nisa, li joffru impenn u dedikazzjoni kbira fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

“Il-Gvern kommess li jkompli jħares u jipproteġi l-interessi tan-nisa fis-soċjetà. Flimkien se nkomplu nkunu ta’ xprun biex in-nisa kollha jkollhom l-għodda meħtieġa biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

Ekonomija

Sport