Wednesday, February 11, 2026

Tifel b’kundizzjoni medika gravi f’martirju sħiħ ta’ pika…

"Rabja tal-omm tikkonverti ruħha f’abbuż emozzjonali lejn il-missier”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tifel b’kundizzjoni medika gravi li anke spiċċa biex kellu jittella’ l-Ingilterra għal operazzjoni, spiċċa litteralment f’martirju sħiħ ta’ pika familjari, bil-koppja jiġġieldu u jimpikaw fuq l-aċċess u t-trobbija tiegħu.  L-omm takkuża lil missier li meta jmur għall-aċċess għandu, it-tifel jispiċċa ma jinħasilx, jirritorna jinten u jkollu ġuħ kbir tant li jmur jiġri għall-friġġ. Dan apparti ‘homework’ nieqes. 

Tgħid li fil-Praċett tat-tifel il-missier kien l-uniku wieħed fost il-familji kollha li ma riedx li jieħu ritratt bħala familja. Minn naħa tiegħu, l-missier jgħid li r-relazzjoni mal-omm kienet tajba ħafna, sakemm welldet u imbagħad inbidlet totalment. Minkejja li l-omm għamlet battalja sħiħa biex tieħu l-kustodja ta’ binha hi u ma tibqax konġunta, il-Qorti iddeċidiet li tibqa’ konġunta.  

Il-Qorti kellha kliem iebes fil-konfront tal-omm u qalet li r-rabja tal-omm tikkonverti ruħha f’abbuż emozzjonali lejn il-missier. Il-Qorti iddikjarat ukoll li jagħmel x’jagħmel il-missier dan huwa suġġett għaċ-ċanfir tal-omm u din l-attitudni tal-omm trid tieqaf għax żgur li qed toħloq ħafna ansjetà żejda fil-minuri. Il-Qorti ddikjarat li l-missier għandu postu f’ħajjet il-minuri għall-kontribut psikoloġiku u emozzjonali sabiex il-minuri jkun jaf l-parentela u l-identità tiegħu. Għalhekk ikun aktar għaqli għall-omm li taċċetta li l-missier se jibqa’ f’ħajjet il-minuri u għalhekk iż-żewġ ġenituri jridu jaħdmu flimkien għall-ġid tal-minuri aktar u aktar meta dan il-minuri għandu l-kundizzjonijiet mediċi gravi

L-omm b’ħafna akkużi lejn il-missier… tgħid li għajjiet tikkumbatti

‘L-omm xehdet li wara erba’ snin u nofs għaddejjin bil-proċeduri ta’ medjazzjoni, il-partijiet għadhom ma waslu mkien u issa għejjiet tikkumbatti. Iddikjarat li l-piż tat-trobbija jinsab kollu fuqha iżda minħabba li l-kura u kustodja għadha konġunta, ssib ostakli legali meta tiġi bżonn il-firma tiegħu. Tgħid li dak li kien ir-raġel tagħha  lanqas iwieġeb messaġġi li tibagħtlu. Tispjega li l-minuri għandu kundizzjonijiet mediċi li jirrikjedu l-kura u l-attenzjoni tal-ġenitur li jkun miegħu. Tenfasizza hi dijabetika u għalhekk l-inkwiet kontinwu li ilha għaddejja minnu qed ifixkel serjament lil saħħitha. 

Tgħid li dak li kien is-sieħeb tagħha kien interessat biss li jimxi b’ħajtu flimkien mas-sieħba tiegħu, li m’għandix pjaċir bit-tifel.  Tgħid li kien hemm darba meta l-ġenituri tagħha ġew għal żjara f’Malta u kienet avżatu minn ġimgħa qabel li kienet ser iżżomm lill-minuri magħha. Qalet li hu ma weġibx għal ġimgħa imbagħad qanqal argument sħiħ fi tmiem il-ġimgħa tant li kellhom jirrikorru għall-assistenza tal-Pulizija. 

Tgħid li huma ma baqgħux f’relazzjoni meta l-minuri kellu ftit anqas minn sentejn. Tgħid li frekwentament tiltaqa’ ma’ problemi minħabba n-nuqqas ta’ interess da parti tal-eks sieħeb tagħha. Tgħid li  eżempju ċar kien meta kienet titla’ għas-sessjoni tal-medjazzjoni biex imbagħad la hu u lanqas il-konsulent legali tiegħu ma kienu jattendu. 

Tgħid li l-eks sieħeb ma kien attenda għall-ebda appuntament mediku tal-minuri u waqt l-aċċess kien qed jonqos milli jkopri għajn il-minuri b’eye patch, kif ġew istruwiti jagħmlu mit-tobba tal-minuri. Hu irrifjuta li jżomm djarju tal-ikel għall-minuri kif talbu t-tobba. Kien hemm drabi meta l-missier insista li l-minuri jmur għall-aċċess minkejja li jkun ma jiflaħx jew li jinfurmaha li l-minuri kien ma jiflaħx ftit wara li jibda l-aċċess u ma jirritornahx lura għand l-omm. Tgħid li meta l-minuri jweġġa’ waqt l-aċċess, il-missier ma jinfurmax lill-omm u dan huwa nuqqas importanti ħafna minħabba l-kundizzjoni medika tal-istess minuri. 

Tiddikjara li t-tifel jgħidilha li “mal-missier jibqa’ mqajjem tard ħafna u l-għada jorqod filgħodu, kif ukoll li fir-residenza tal-missier, it-tifel m’għandux sodda tiegħu. Jgħidilha li ġieli joħorġu filgħaxija f’postijiet fejn ma jkunx hemm subien oħra. Il-minuri ma jinħasilx waqt l-aċċess u jmur lura jinten, kif ukoll b’ħafna ġuħ fuqu. Ħafna drabi jmur bil-homework nieqes,” tiddikjara l-omm.

Tgħid li l-missier jagħżel liema spejjeż tas-saħħa u l-edukazzjoni jħallas għalihom u jirrifjuta li jiddiskuti spejjeż straordinarji. Il-minuri qatt ma esperjenza festin f’għeluq sninu minħabba n-nuqqas ta’ flus u għalhekk iħossu differenti minn sħabu. 

L-omm tixhed li meta hi ħadet lill-minuri għal trattament barra minn Malta, il-missier ma ħallihiex tkun akkumpanjata minn adult ieħor għax kien qalilha li ser jakkumpanjahom hu biex imbagħad ma marx u ħalliha waħedha. F’okkażjoni oħra, l-omm kellha tintavola rikors sabiex titlob awtorizzazzjoni għal safar minħabba appuntamenti mediċi għaliha biex ftit tal-ġranet qabel giet infurmata li l-missier xorta ma kienx ser jeżerċita aċċess f’dawk il-ġranet minħabba li kien ser ikun imsiefer hu wkoll. 

Iddikjarat li hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni, konsistenza u affidabbilità fis-sens li hi ma tistax tistrieħ fuq il-missier għal ebda għajnuna fit-trobbija. 

L-omm ippeżentat ukoll kopja ta’ rapport li għamlet mal-Pulizija f’Lulju tas-sena 2019 tirrapporta li missier it-tifel kien qabadha minn għonqha u niżżilha mal-art u kienet ommu li waqfitu madanakollu rrifjutat li tipprovdi ċertifikat mediku għax sostniet li ma kellha l-ebda marka m’għonqha. 

Dwar dan il-missier kien ta verżjoni diversa u kien qal li  l-omm kienet ħebbet għal ommu u għalhekk kien daħal bejniethom, u l-omm kienet girfitu f’daru, liema grif ġew konfermati mill-Pulizija. 

Permezz ta’ affidavit l-omm iddikjarat li l-missier ma attendix għall-attivitajiet tal-iskola fl-okkażjoni tal-Praċett tal-minuri tant li b’dan li l-minuri ħassu differenti minn sħabu u l-omm ħassitha umiljata li kellha toqgħod tispjega mal-għalliema għalfejn il-missier ma kienx preżenti. Fil-ġurnata proprja tal-Ewwel Tqarbina tal-minuri, il-missier kien l-uniku ġenitur li rrifjuta li jieħu ritratt bħala familja. Irriżulta mix-xhieda li meta l-omm irreġistrat lill-minuri għall-attivitajiet waqt is-sajf organizzati mill-MUSEUM, il-missier aċċetta, iżda fl-aħħar minuta rrifjuta li jieħu lill-minuri biex allegatament ma jitlifx ħin minn mal-minuri. Madanakollu meta l-omm offrietlu li jestendu l-ħin tal-aċċess waqt il-vaganzi tas-sajf, huwa lanqas biss weġibha u għalhekk mhux minnu li hu ried aktar ħin mal-minuri. 

Meta l-omm kellha ssiefer għall-appuntamenti mediċi, hija offriet lill-missier aċċess kumpensatorju iżda minkejja t-trapass ta’ vaganzi skolastiċi, diversi ġranet mingħajr skola u festi pubbliċi, il-missier qatt ma staqsa għall-estensjoni tal-aċċess. Meta staqsa sabiex iżomm lill-minuri l-Ħadd filgħaxija fit-tard u l-omm rrifjutat minħabba li l-għada kellu l-iskola, l-missier hedded lill-omm li jdaħħalha l-Qorti minħabba li kienet qed iċċaħħdu mill-aċċess kumpensatorju. 

L-omm tgħid li l-missier ħa lill-minuri ġurnata Sqallija u lit-tifel ma ħadlu l-ebda provvisti bħal ilma jew krema għal ġilda kontra x-xemx. Il-minuri kellu joqgħod jara lill-missieru jixtri għalih innifsu iżda lilu ma xtralu xejn. 

L-omm tenfasizza li  wara l-aċċess eżatt, il-minuri kien jiġri lejn il-friġġ għax ikun bil-ġuħ jew imur ibiddel għax il-ħwejjeġ ikunu jintnu. Tgħid li waqt l-aċċess, il-missier ikun aktar interessat imur jagħmel ix-xirja jew joqgħod jara t-televiżjoni jew jiġbor lill-martu.  Tgħid li meta kienu għadhom flimkien, ġieli l-familja tal-missier ħallew lill-minuri waħdu ġol-pixxina li għandhom mad-dar. 

Jixhed il-missier

Il-missier fix-xhieda tiegħu jgħid li kellhom relazzjoni sabiħa bejniethom iżda minħabba l-età tal-omm kienu ddeċidew li jkollhom tarbija qabel jiżżewġu. L-imġieba tal-omm inbidlet drastikament waqt it-tqala. Jgħid li l-omm kienet tinsisti li joħorġu kuljum wara ġurnata xogħol mingħajr ma tagħtih ċans jkollu ftit ħin għalih jew biex jistrieħ ftit. Ġiegħlitu jħallas is-self li kellha fuq il-vettura tagħha u kont tat-taxxa pendenti sabiex tkun tista’ tieqaf mix-xogħol għax hi qatt ma riedet tkun omm li taħdem barra mid-dar. 

Jgħid li meta twieled il-minuri jumejn qabel il-Milied, huwa telaq il-ħanut tiegħu f’idejn missieru u dan minkejja li dawk il-ġranet tal-Milied huma mportanti ferm u jiddeterminaw il-klijentela tas-sena sussegwenti. Minkejja li kien ikun l-isptar magħha jgħinha, kien jiġi mgħajjar u insultat kontinwament minnha. Kienet tgħajjat miegħu u anke ttih. Meta mar lura għax-xogħol, kien jara li jew ommu jew ommha jkunu magħha minħabba li kien qed jissuspetta li kellha dipressjoni ta’ wara t-tqala. Minħabba l-kundizzjoni tad-dijabete tal-omm, kien hu li kien iqum jisqi u jieħu ħsieb lit-tarbija bil-lejl. Għalhekk kien ġie fi stat li kien għajjien ħafna, mingħajr irqad, jgħix f’ambjent ostili, b’moral baxx u kien proprju f’dan iż-żmien li t-tobba tal-minuri identifikaw il-kundizzjoni medika tiegħu ta’ cranio-synostosis. 

L-omm kienet tgħidlu li ma riditx tkun waħidha mal-minuri. Darba meta daħal fil-kamra tas-sodda bit-tarbija biex iraqqdu, l-omm aggredietu għax iċċajta magħha li ma setgħetx tbus lit-tarbija. Jgħid li ftit tal-ġranet wara minħabba l-għejja li kellu fuqu, kien involut f’inċident tat-traffiku u meta ċemplilha biex jinfurmaha, bdiet tinsulentah li ma kien tajjeb għal xejn. 

Dejjem takkużah li ‘mhu tajjeb għal xejn’… hedditu li toqtlu b’sikkina

L-omm spiccat iġġieldet mal-ġenituri tagħha tant li keċċewha mid-dar taghhom. Il-missier xehed li huma kienu preżenti waqt l-operazzjoni tat-tifel  u sussegwentement hu kien joqgħod mal-minuri bil-lejl. Minkejja dan, l-omm kienet takkużah li ma kien tajjeb għal xejn, anke quddiem terzi ndividwi. Meta ġew lura, ir-relazzjoni tagħhom baqgħet sejra għall-agħar sakemm darba hedditu li toqtlu bis-sikkina. Minn dakinhar kien baqa’ jibża’ minnha u jorqod biss wara li jkun ċert li hi kienet raqdet ukoll. Iddikjara li baqa’ jirrisjedi magħha minħabba t-tifel. 

Kien  mar jgħix għand il-ġenituri tiegħu meta ma felaħx aktar u l-omm marret tibkilu biex imur lura u hu qalilha li lest imur lura fuq il-kundizzjoni biss li jmorru għall-counselling. Dan il-counselling ma setgħax jirnexxi l-għax l-omm ma bdietx tirrispondi għall-mistoqsijiet magħmulha lilha. 

Qal li wara li sseparaw, l-omm ma riditx tħallih jara lill-ibnu sakemm mhux fil-preżenza tagħha. Dik is-sena lill-minuri la rah f’għeluq sninu, la rah fil-Milied u lanqas fl- Ewwel tas-Sena. Jixhed li  kienet offrietlu li jarah bi sleepover kemm-il darba jkollu x’jaqsam magħha sesswalment u meta rrifjuta, ma ħallitux jara lill-minuri. Jenfasizza li naqqas il-ħinijiet tax-xogħol biex ikun disponibbli għal ibnu u minħabba f’hekk, il-ħanut tiegħu mar lura. Minkejja dan, baqa’ jtiha €250 fix-xahar. Meta beda jiġbor lit-tifel, kien ikollu ħafna xenati – daqqa ghajjat u tisbit tal-bieb u daqqa tiftaħlu b’xugaman inmdawwar magħha biss. Darba minnhom iltaqgħu l-Belt għall- Karnival u hu talabha li troddlu lura l-ħwejjeġ li kien xtara lit-tifel lura. L-għada meta mar għat-tifel, jara lill-omm miexja lejn l-għassa bil-minuri. Kif ratu, din bdiet tiġri lejn l-Għassa. Peress li ma felħitx lit-tifel, waqqgħetu u kien hawn li hu laħaqhom u refa’ lill-minuri hu. Hi telqet tiġri lejn l-Għassa u fi ftit minuti sab Pulizija li ordnalu jidhol fl-Għassa immedjatament. 

Il-Qorti tinnota ir-rabja tal-omm tikkonverti ruħha f’abbuż emozzjonali

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li fliet il-messaġġi li minnhom irriżulta li meta l-missier talab aċċess addizzjonali, kienet l-omm li rrifjutat għax kienu biss sagħtejn u għaliha dan ma kienx ħin suffiċjenti. Tgħid li meta l-missier bagħat jinfurmaha fuq telefonata li kien irċieva mill-isptar u tkellem fil-plural, l-omm kien importanti għaliha li taghmel il-punt li hu ma kien għamel xejn u riedet in-numru li ċemplu minn fuqu sabiex iġġib l-informazzjoni hi.

Il-Qorti tgħid li kien hemm messaġġi ta’ tgħajjir u ġlied mingħajr ebda kuntest jew inċident li jispjega għalfejn qed jintbagħtu. Kull ħaġa żgħira bħall-mistoqsija fuq raqda tat-tifel twassal għal argument sħiħ u ħafna messaġġi ta’ tgħajjir jew mistoqsija fuq ir-ritorn tat-tifel.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li nnotat li r-rabja tal-omm tikkonverti ruħha f’abbuż emozzjonali wkoll lejn il-missier.

Il-Qorti enfasizzat li tqis li s-sitwazzjoni bejn il-partijiet hija waħda kumplessa. L-omm konsistentement tisħaq li l-missier qatt ma ħa nteress fit-trobbija ta’ ibnu, ma jinteressahx li jqatta’ ħin ta’ kwalità ma’ ibnu, ma jattendix ghall-appuntamenti mediċi u ma jagħmilx dak li hemm bżonn għal ibnu. 

“Din il-Qorti fliet il-messaġġi skambjati bejn il-partijiet u joħroġ biċ-ċar li kull darba li jseħħ aċċess, l-omm riedet tara kif ser tmaqdar lill-missier u bagħtet sensiela ta’ messaġġi lill-missier eżatt kif il-minuri jasal lura bin-nuqqasijiet li l-missier wettaq waqt l-aċċess. 

Il-Qorti tgħid li “l-omm iddedikat ħajjitha lejn it-trobbija tal-minuri, imma ma tistax telimina lill-missier u tghidlu biex iwarrab jew li ma jinteressahx minn ibnu għax hu għandu negozju tiegħu, kompla b’ħajtu u illum il-ġurnata miżżewweġ.  Anke jekk l-kura tal-missier mhix tal-istess livell bħal dik tal-omm, il-kontribut  bħala missier imur oltre minn hekk. Il-missier għandu postu f’ħajjet il-minuri għall-kontribut psikoloġiku u emozzjonali sabiex il-minuri jkun jaf l-parentela u l-identità tiegħu. 

Għalhekk ikun aktar għaqli għall-omm li taċċetta li l-missier ser jibqa’ f’ħajjet il-minuri u għalhekk iż-żewġ ġenituri jridu jaħdmu flimkien għall-ġid tal-minuri aktar u aktar meta dan il-minuri għandu l-kundizzjonijiet mediċi gravi.”

Il-Qorti iddikjarat li “l-omm tippretendi li trid tkun hi li tiddeċiedi kollox u li l-missier irid jitlob il-kunsens għal kollox, inkluż fuq id-data taż-żwieġ tiegħu ma’ terza persuna. Din il-Qorti osservat li l-omm  oġġezzjonat għall-aċċess fir-risposta tagħha, miktuba bl-iswed fuq l-abjad, minħabba li l-missier ma kienx ikkonsulta magħha dwar l-għażla tad-data tal-ġurnata tat-tieġ tiegħu minkejja li kienet ser taffettwa l-aċċess u lill-minuri. Il-Qorti qalet li din l-okkażjoni uriet biċ-ċar li l-omm mhix kapaċi twarrab ir-rabja tagħha lejn il-missier u l-pika sfrenata tagħha għall-interess suprem tal-minuri u tapprofitta ruħha minn kwalunkwe sitwazzjoni sabiex iċċanfar lill-missier. 

Il-Qorti iddikjarat ukoll li jagħmel x’jagħmel il-missier dan huwa suġġett għaċ-ċanfir tal-omm u din l-attitudni tal-omm trid tieqaf għax żgur li qed toħloq ħafna ansjetà żejda fil-minuri.

Il-Qorti trid ukoll sabiex tkun ġusta maż-żewġ partijiet, li l-missier irid jaghmel aktar l-almu tiegħu u jifhem li l-isforzi li jagħmel waqt l- aċċess tiegħu, qed jagħmilhom għall-ibnu u mhux għall-omm.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li ma tqisx li jkun fl-aħjar interess tal-minuri li l-omm tiġi fdata bil-kura u kustodja tal-minuri, b’mod esklussiv iżda din għandha tibqa’ waħda konġunta bejn il-partijiet.  Il-manteniment tela’ għal €450 fix-xahar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport