Tifel li kien jidher mitluf f’Marsalforn ilbieraħ filgħaxija sab il-kenn u l-wens ta’ żewġ uffiċjali tal-pulizija li kienu qegħdin jagħmlu ronda.
Kien għall-ħabta tad-9.00pm meta tifel intilef minn mal-ġenituri tiegħu u daħal “jiskenn” taħt tabella ta’ wieħed mir-restoranti. Il-biki tat-tifel mill-ewwel ġibed l-attenzjoni ta’ diversi nies fosthom ta’ żewġ uffiċjali tal-pulizija.
Wieħed mill-uffiċjali niżel għarkuptejh ħdejn it-tifel u bil-kelma t-tajba beda jipprova jikkonvinċih biex joħroġ minn wara t-tabella filwaqt li l-uffiċjal l-ieħor mill-ewwel beda jipprova jistabbilixxi fejn huma l-ġenituri tiegħu.
Wara ftit tal-ħin tfaċċaw il-ġenituri tat-tifel li baqa’ l-ħin kollu “bl-għassa” tal-pulizija miegħu sakemm telaq minn fuq il-post.
Ta’ min ifaħħar liż-żewġ uffiċjali tal-pulizija li telqu kollox minn idejhom biex jgħinu lil dan it-tifel… u fil-veru sens tal-kelma offrewlu wens u sigurtà.