Thursday, December 26, 2024

Tifel ta’ disa’ snin bl-awtiżmu jikteb ktieb

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għalkemm għandu disa’ snin u affettwat mill-awtiżmu, Beppe Caruana rnexxielu jikteb ktieb ibbażat fuq il-ħolma tiegħu: dik li jtir fl-ispazju.

Il-ktieb, “Il-Mawra Tiegħi fl-Ispazju”, kien imniedi b’mod virtwali u fil-messaġġ tiegħu lill-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana jgħid li jrid lin-nies iħarsu lejn l-abilitajiet tiegħu mhux id-diżabilità.

Caruana kkummenta li x-xewqa tiegħu, riflessa fil-ktieb, hija li jtir fl-ispazju biex jeħles mill-gravità u dak kollu li jdejjqu jew ixekklu fil-ħajja.

Ommu Olivia Galea Seychell, li għenitu jiktbu, spjegat kif it-tifel insista li ried jikteb il-ktieb biex juri li ma kienx stupidu.

It-tifel kiteb il-ktieb bl-għajnuna tar-Rapid Prompting Method u mezzi ta’ kommunikazzjoni mogħtija mill-Malta Trust Foundation.

Il-President tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca iddeskriviet il-ktieb bħala eżempju ċar tal-kapaċitajiet immensi li għandhom tfal bħal Caruana.

Bi tpinġija ta’ Nasim Dardour, il-ktieb se jibda jinbiegħ minn din il-ġimgħa u se jitqassam lill-istudenti tal-Ħames Klassi mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Caruana qed jikteb ktieb ieħor li jittratta avventura fil-baħar li wkoll jgħinu mill-piżijiet tal-ħajja.

Ekonomija

Sport