Saturday, October 18, 2025

Tifel ta’ erba’ snin fl-Olanda “jmur dawra” bil-karozza ta’ ommu

Aqra wkoll

Tifel ta’ erba’ snin mill-Ol­anda “seraq” il-karozza ta’ ommu u ħareġ dawra biha. Il-pulizija tal-belt ta’ Utrecht qalu li t-tifel ħabat f’żewġ karozzi pparkjati u wara ħarab minn fuq ix-xena. Hu kien liebes il-piġama u kien ħafi. 

Residenti taż-żona ċem­plu lill-pulizija hekk kif huma lemħu tifel miexi waħdu u ħafi fil-kesħa. Fortunatament f’dan il-każ ħadd ma weġġa’ u l-pulizija Olandiża b’ton umoristiku fuq Instagram qalu li sabu lil “Max Verstappen il-ġdid”, dan b’referenza għas-sewwieq tal-Formula 1.

Il-pulizija qalu li l-każ seħħ is-Sibt filgħodu meta t-tifel ħa ċ-ċwievet tal-karozza ta’ ommu wara li miss­ieru ħalla d-dar biex imur għax-xogħol. Wara li l-uffiċjali tal-pulizija kienu msejħa biex imorru jiġbru lit-tifel wara li dan intlemaħ waħdu, daħal rapport li kien hemm karozza abbandunata li kienet involuta f’ħabta ma’ żewġ karozzi. 

Mill-investigazzjoni li sa­ret mill-ewwel sar magħruf li l-karozza inkwistjoni kienet irreġistrata f’isem omm it-tifel. Il-pulizija qalu li hekk kif it-tifel kien magħhom huwa beda jagħmel mossi taparsi qiegħed isuq u għalhekk il-pulizija daħlilhom suspett li t-tifel seta’ kien is-sewwieq. It-tifel ittieħed fl-għassa tal-pulizija fejn hemm ingħata hot chocolate u anke teddy bear, sakemm ġiet ommu. 

Wara, flimkien ma’ ommu hu ttieħed fuq ix-xena tal-inċident fejn ġie mistoqsi dwar jekk jafx issuq karozza. Il-pulizija qalu li t-tifel uriehom kif tiftaħ il-karozza biċ-ċavetta, poġġa ċ-ċavetta fl-ignition u anke poġġa saqajh kif suppost fuq il-pedali tal-clutch u l-gass. 

Fid-dawl ta’ dan kollu l-pulizija ħeġġew lill-ġenituri biex jaħbu ċ-ċwievet tal-karozzi mit-tfal.

Sport