Tmiem il-ġimgħa li għadda kien wieħed impenjattiv ferm għall-membri tal-Protezzjoni Ċivili. Dan hekk kif kienu impenjati f’operazzjoni intensiva wara nirien kbar li żviluppaw f’fabbrika f’Ħal Far. Ħidma li damet għaddejja madwar 16-il siegħa u biex intfew in-nirien intużaw xejn inqas minn 900,000 litru ta’ ilma.
Fl-isfond ta’ dan kollu, ma nistgħux ma nfaħħrux lil dawn il-pumpiera li minkejja r-riskju li seta’ kien hemm u t-temperaturi għoljin, xorta waħda ħadmu qatigħ biex jitfu n-nirien u jġibu s-sitwazzjoni taħt kontroll. Wieħed ukoll jinnota s-sehem ta’ entitajiet oħra li wkoll taw l-assistenza tagħhom fejn meħtieġ, b’din il-kollaborazzjoni kienet essenzjali biex ikun żgurat rispons ta’ emerġenza sigur u effettiv.
Dan iżda ma kienx l-unika episodju li kienu involuti fih il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili fis-sigħat li għaddew. Huma ssieltu wkoll ma’ nirien li nfirxu f’diversi għelieqi. Għalhekk irridu nenfasizzaw kemm kien importanti l-investiment li sar fil-Protezzjoni Ċivili biex tassisti fi kwalunkwe ċirkostanza, sew jekk hux għal trejqiet fil-kampanja, toroq dojoq f’irħula u l-ibliet, bini għoli u sew jekk hux f’żoni industrijali.
Naturalment, it-tagħmir waħdu mhux biżżejjed jekk ma jkunx jsirx ukoll investiment fir-riżorsi umani. Fil-fatt, dawn il-ħaddiema mhux biss qed jingħataw drittijiet u kundizzjonijiet aħjar, iżda wkoll taħriġ li jagħmilhom f’pożizzjoni li jistgħu jagħtu l-aqwa għajnuna lil ħaddieħor.
Dan apparti l-investiment li sar fuq il-fire suits ġodda għal pumpiera li huma 35% eħfef fil-piż, biex b’hekk huma jaħdmu bil-kumdità anke fil-klima Maltina. L-istess sar fil-każ tal-immersion suits li bihom il-ħaddiema jistgħu jaħdmu waqt għarar.
Nemmnu għalhekk li dan l-investiment jixraq tassew lil dawn il-ħaddiema li jagħmlu xogħolhom bi mħabba u dedikazzjoni kbira lejn il-poplu Malti u Għawdxi u anke meta jiġu mitluba biex jassistu f’pajjiżi oħra lil hinn minn xtutna.
Għaldaqstant, inħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu li dan l-investiment li qed isir fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u anke fil-Korpi Dixxiplinati l-oħra kollha jkompli jissaħħaħ. Wara kollox, aktar investiment f’dawn il-ħaddiema, ifisser investiment akbar fis-sigurtà ta’ pajjiżna u iżjed serħan il-moħħ għaċ-ċittadini.