Immaġinaw ftit. Tifla ta’ għaxar snin. Kienet qiegħda tingħata trattament għall-Kanċer fil-moħħ. F’daqqa waħda it-tifla u l-ġenituri tagħha isibu ma’ wiċċhom realtà mill-aktar kiefra. It-trattament ma jistax’ ikompli jingħata. Mhux hekk biss iżda it-tifla flimkien mal-ġenituri tkun deportata mill-Istati Uniți lejn il-Messiku. Storja li qanqlet rabja fost sezzjonijiet sħaħ tal-poplu Amerikan.
Din ir-realtà tal-biża’ seħħet għax minkejja li t-tifla hi ċittadina tal-Istati Uniți u anke l-erba’ ħutha huma ċittadini tal-Istati Uniti, huma kienu sfurzati joħorġu mill-pajjiż meta l-aġenzija tad-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti ddeportat lill-ġenituri tagħha għax dawn instab li kienu bla dokument.
Din ir-realtà iebsa qiegħda tkompli turi l-politika ħarxa dwar l-immigrazzjoni li żdiedet taħt il-President Donald Trump. Ta’ min jgħid li l-President Trump appoġġja s-suġġeriment li familji bi status imħallat – jiġifieri dawk tipikament magħmulin minn ġenituri bi status mingħajr dokumenti u tfal li twieldu fl-Istati Uniti u jinsabu fil-pajjiż legalment – għandhom jiġu “deportati flimkien”, minflok jisseparawhom.
“Dak li qed jiġri lil din il-familja hija traġedja assoluta u hija xi ħaġa li mhix iżolata għalihom biss,” qalet Rochelle Garza, President tal-Proġett tad-Drittijiet Ċivili ta’ Texas. “Din hija parti minn mudell fil-prattika li rajna fl-amministrazzjoni Trump.”
Skont l-avukat tal-familja, il-ġenituri nżammu f’żona ta’ kontroll tal-immigrazzjoni waqt li kienu qed jippruvaw iżuru lit-tobba speċjalizzati ta’ binthom fi Houston biex isir checkup mediku ta’ emerġenza — vjaġġ li kienu għamlu mill-inqas ħames darbiet qabel.
Normalment, dikjarazzjoni mit-tobba u l-avukati tagħhom kienet tkun biżżejjed biex l-uffiċjali fiż-żona tal-kontroll iħallu lill-familja tgħaddi. Iżda fl-4 ta’ Frar — ftit wara l-inawgurazzjoni ta’ Trump — il-ġenituri ġew arrestati f’daqqa meta ma setgħux juru dokumentazzjoni legali, minkejja li spjegaw is-sitwazzjoni medika urġenti ta’ binthom.
“Ma kinux interessati li jisimgħu dan,” qalet l-omm lill-mezzi tal-midja fl-Istati Uniti.
Il-familja ttieħdet f’ċentru ta’ detenzjoni wara li ġiet arrestata. L-omm u l-bniet kienu mifrudin mill-missier. Dakinhar stess, huma ġew mġiegħlin jaqsmu l-fruntiera fuq wara ta ‘vann.
It-tifla ta’ għaxar snin ġiet dijanjostikata b’kanċer fil-moħħ is-sena l-oħra. It-tumur tagħha tneħħa kirurġikament, iżda n-nefħa fil-moħħ tagħha ma marretx għal kollox, u kkawżat diffikultajiet fit-taħdit u l-mobilità tagħha, qalet l-omm. Qabel ma ġew deportati, it-tobba kienu qed isegwu regolarment l-irkupru tagħha waqt li hija attendiet terapija ta’ riabilitazzjoni u ħadet medikazzjoni għall-konvulżjonijiet tagħha.
Issa, il-familja tittama li jkunu jistgħu jinħelsu taħt il-parole umanitarja, status li dan l-aħħar ingħata lil omm Kalifornja mingħajr dokumenti sabiex tkun tista’ tieħu ħsieb bintha bil-kanċer, wara li nżammet minn aġenti tal-Immigrazzjoni u l-Infurzar tad-Dwana.
“Qegħdin insejħu lill-gvern,” qal Garza l, “biex jagħti l-libertà lill-familja, biex jikkoreġi l-ħsara li jkunu għamlu u biex ma jagħmilx dan lil ħaddieħor.”