Friday, December 20, 2024

Tifla ta’ sentejn tinqatel u 22 oħra midrubin wara attakk f’Dnipro

Il-President Ukren jixħet il-ħtija fuq ir-Russi... dawn tal-aħħar bla reazzjoni

Aqra wkoll

Tifla ta’ sentejn inqatlet u 22 oħra ndarbu wara allegat attakk mill-ajru Russu fiż-żona residenzjali tal-belt Ukrena ta’ Dnipro.

Il-gvernatur tar-reġjun ikkonferma li l-katavru taċ-ċkejkna ġie rkuprat minn qalb it-tifrik matul il-lejl. Serhiy Lysak qal li ħamsa minn dawk midrubin kienu tfal bi tlieta minnhom ikunu subien f’qagħda kritika ħafna.

Fl-aħħar sigħat kienu qed jiċċirkolaw ukoll filmati fil-midja li juru lill-President Ukren Volodymyr Zelensky jfaħħar lill-uffiċjali tas-salvataġġ li kienu għaddejjin b’ħidma qalb il-binja mġarrfa.

Zelensky xeħet il-ħtija tal-attakk fuq ir-Russi iżda s’issa dawn tal-aħħar għadhom ma kkummentawx.

Instemgħu wkoll splużjonijiet fuq il-kapitali Ukrena, fejn reġgħu ġew pożizzjonati sistemi ta’ difiża kontra attakki mill-ajru.

Fi żviluppi oħra, assistent qarib tal-President Zelensky qal li pajjiżu għadu mhux lest li jibda l-kontro-offensiva tiegħu li kienet ilha mwiegħda kontra s-suldati Russi f’żoni okkupati.

Waqt li tkellem mal-gazzetta tar-Renju Unit ‘Sunday Times’, Dr Ihor Zhovkva qal li n-nuqqas ta’ armi u munizzjon hija l-ikbar problema.

Dan il-kliem kien kontradittorju għal dak li qal il-President Ukren li ġurnata biss qabel qal li l-Ukrajna lesta biex tibda l-manuvri tagħha.

Ekonomija

Sport