Friday, April 19, 2024

55 SENA MILL-ASSASSINJU TA’ ROBERT KENNEDY

Aqra wkoll

Fil-karriera politika qasira imma straordinarja tiegħu, Robert Kennedy, ta’ 42 sena, imwieled fil-Massachusetts, kien Senatur minn New York u avukat Ġenerali tal-Istati Uniti taħt żewġ Presidenti. F’dawn il-karigi għolja, huwa influwenza bil-kbir il-politika nazzjonali u internazzjonali, l-ewwel bħala l-iktar konsulent fdat ta’ ħuh, il-President John F. Kennedy, u mbagħad wara l-assassinju ta’ ħuh fl-1963, bħala l-eredi tal-politika tiegħu, hekk imsejħa tan-“New Frontier”.

Ċkejken u rqiq iżda determinat

Robert Francis Kennedy twieled nhar l-20 ta’ Novembru, 1925, fi Brookline, subborg ta’ Boston. Missieru, Joseph Kennedy, bin ġenituri foqra minn South Boston, diġà kien qed jagħmel ħafna flus fil-borża u f’intrapriżi spekulattivi. Billi Joseph ma tantx kien ikun id-dar, it-tmexxija tal-familja kienet f’idejn martu Rose Fitzgerald li kienet tiġi bint John F. Fitzgerald, li kien tela’ fil-Parlament tliet darbiet u kien Sindku ta’ Boston. Il-familji Kennedy u Fitzgerald kienu attivi sew fil-komunità Kattolika Irlandiża minn fejn oriġinaw.

Meta twieled Robert, ħuh Joseph Jr. kellu għaxar snin u John tmienja. (Edward twieled fl-1932.) Hekk, Bobby qatta’ l-ewwel snin bħala ż-żgħir fost l-aħwa, b’żewġ ħutu subien ikbar minnu u ħames aħwa bniet – Rosemary, Kathleen, Eunice, Patricia u Jean, li kienu fuq tagħhom daqs is-subien. Nanntu kienet tibża’ li se jitla’ “sissy”. “Kien l-iżgħar u l-irqaq, u bżajna li kien se jikber fraġli u qisu tifla,” tirrakkonta ommu, li mietet fl-1995 fl-età ta’ 104 snin wara li rat erba’ minn uliedha jinqatlu: “Malajr indunajna li ma kellniex għalfejn nibżgħu.”

Mhux biss ħutu l-bniet, iżda wkoll missieru u ħuh il-kbir Joseph Jr. ġegħluh isir kompetittiv. Joseph Jr. sar qisu missier ħutu fl-assenza tiegħu. “Joe għallimni nsuq dgħajsa tal-qlugħ, ngħum, nilgħab il-football u l-baseball,” jgħid Robert. Iktar minn hekk, missier Robert għamlilhom regoli stretti ta’ mġiba: “Never take second best; when the going gets tough, the tough get going; passivity is intolerable.” Għalkemm bħala żagħżugħ, Robert kien fid-dell ta’ ħutu, huwa wera determinazzjoni qawwija li jirnexxi.

Il-mewt traġika ta’ ħuh il-kbir

Kien għadu student ta’ 19-il sena f’Harvard meta ħuh Joseph Jr., li fih il-familja kienet poġġiet it-tamiet politiċi tagħha, inqatel meta l-ajruplan militari li kien fuqu, f’missjoni top secret, twaqqa’ fil-Kanal Ingliż fl-1944. Milqut profondament mill-mewt ta’ ħuh, Robert vjaġġa waħdu lejn Washington u ipperswada lis-Segretarju tan-Navy biex jidħol jaħdem fuq destroyer li kien għadu kif issemma għal ħuh.

Robert qatta’ l-bqija tal-Gwerra fil-Karibew, u reġa’ lura Harvard fl-1946, minn fejn iggradwa sentejn wara. Studja l-liġi fl-Università ta’ Virginia, u sar avukat fl-1951. Fl-istess sena, ingħaqad mas-sezzjoni kriminali tad-Dipartiment tal-Ġustizzja. f’Washington.

Imexxi l-kampanja Presidenzjali ta’ ħuh

Fis-snin ħamsin għamel xogħol ta’ ġurnaliżmu ma’ The Boston Post u serva fil-kumitat tas-Senat imsejjaħ Labor Rackets Committee mill-1957 sal-1959, fejn sfida pubblikament lill-President ta’ union magħrufa bħala Teamsters, Jimmy Hoffa, fuq il-korruzzjoni ta’ din l-union. Kennedy kien għadu kbir tal-mafja u l-kriminalità organizzata. U Hoffa kellu jsir wieħed mill-akbar għedewwa tiegħu.

Fl-1959, Bob Kennedy ħalla l-kumitat li għamlu famuż mal-pajjiż kollu, biex imexxi l-kampanja ta’ ħuh John għall-Presidenza. Fil-kampanja elettorali kontra Nixon, Robert wera kemm kien perfezzjonist. Ġera mal-pajjiż kollu, saħħaħ l-organizzazzjoni tal-Partit Demokratiku, solva t-tilwim u neħħa lil min kien inkompetenti. Ma ddejjaqx irażżan u jsikket nies bħal Frank Sinatra, il-kantant, u lil Walter Reuther tal-United Auto Workers, li kien jarahom mażżra m’għonq ħuh. Barra minn hekk, huwa kien jagħti pariri lil ħuh fuq it-tattiċi li kellu juża. 

Bob Kennedy, King u d-Drittijiet Ċivili

Bob kien responsabbli mill-intervent ta’ ħuh John F. Kennedy fil-każ Martin Luther King. King kien ġie arrestat għal sit-in li għamel f’department store f’Atlanta, u ingħata sentenza ta’ erba’ xhur xogħol iebes fil-ħabs. Dan ġara biss ġimgħa qabel l-elezzjoni. Bobby instiga lil ħuh iċempel lil mart King biex jagħmillha kuraġġ. Imbagħad Bobby ċempel lill-maġistrat li kien ta s-sentenza lil Dr. King. Ftit wara, il-mexxej tas-suwed inħeles fuq kawzjoni.

Kennedy tant baqa’ impenjat fl-infurzar tad-drittijiet ċivili, li fl-1962 stqarr li das-suġġett kien qed jimlielu ħajtu kollha, personali u politika, mill-prosekuzzjoni ta’ uffiċjali elettorali korrotti fl-Istati ta’ nofsinhar sa li jwieġeb telefonati tard bil-lejl minn mart King wara li żewġha spiċċa l-ħabs minħabba d-dimostrazzjonijiet f’Alabama. Fl-istess sena, Bob Kennedy kien uża s-saħħa federali biex James H. Meredith, student iswed, ikun jista’ jidħol fl-Università ta’ Mississippi.

Avukat Ġenerali

Wara li John F. Kennedy rebaħ lil Nixon b’maġġoranza żgħira ħafna, dan ħatar lil ħuh Avukat Ġenerali, li fl-Istati Uniti huwa ekwivalenti għal Ministru tal-Ġustizzja. Għall-ewwel, Bob ma xtaqx. Kienet tweġġgħu l-akkuża ta’ nepotiżmu, iżda l-President ried lil ħuh fil-Kabinett bħala xi ħadd leali li seta’ jafda b’mod assolut. Barra minn hekk, Bob kien bniedem kreattiv u li jispira.

F’din il-kariga, Bob daħal fl-aspetti kollha sensittivi tan-nazzjon Amerikan – min drittijiet ċivili għal immigrazzjoni, kriminalità, leġiżlazzjoni tax-xogħol, difiża tal-foqra, maħfriet, monopolji ekonomiċi, delinkwenza taż-żgħażagħ u s-sistema ġudizzjarja federali. Barra minn hekk kellu sehem f’kull fażi tal-amministrazzjoni. “Ċemplu lil Bobby, tkellmu miegħu u ejjew b’idea dwar din,” kienet ordni frekwenti fil-White House.

Fl-affarijiet barranin, b’mod speċjali, Bob kien konsulent mill-qrib ħafna ta’ ħuh. Investiga lis-CIA wara l-fjask tal-attakk fuq il-Bajja tal-Ħnieżer f’Kuba fl-1961. Fil-kriżi tal-missili ta’ Kuba s-sena ta’ wara, huwa oppona attakk mill-ajru fuq Kuba u mexxa ’l quddiem politika ta’ ħruxija mrażżna li ppermettiet lill-Unjoni Sovjetika tirtira b’dinjità.

L-assassinju tal-President Kennedy

Bob Kennedy kien qed jiekol f’daru meta nhar it-22 ta’ Novembru, 1963, infurmawh li ħuh kien ġie assassinat f’Dallas. Ixxukjat, u b’wiċċu mnikket għall-aħħar, huwa kien fl-ajruport meta l-ajruplan presidenzjali niżel Washington bil-ġisem mejjet tal-President, l-armla tiegħu, Jacqueline, u l-President il-ġdid, Lyndon B. Johnson. 

L-assassinju ta’ John F. Kennedy tefa’ lil Bob f’baħar ta’ niket bla qies. Meta fl-4 ta’ April 1968, Martin Luther King kien assassinat hu ukoll, Bob kien qed jitkellem f’rally politiku. F’diskors spontanju, huwa ta l-kondoljanzi lill-familja u qal li seta’ jifhem telfa għall-għarrieda għax hu stess kien għadda minn xokk simili bl-assassinju ta’ ħuh.

Senatur għal New York

Iżda Bob irnexxielu jerġa’ jqum minn wara t-traġedja ta’ ħuh. Bob jgħid li kienet il-fidi Kattolika tiegħu li tatu l-qawwa jkompli l-ġlieda. Iddeċieda li joħroġ għas-Senat minn New York; u beda juża l-istess struttura politika li bena għal ħuh fl-1960 u rebaħ n-nominazzjoni bla problemi kbar. Fis-Senat, u bħala figura nazzjonali, Bob kellu pożizzjoni iktar xellugija minn dik tal-President Johnson fejn jidħlu problemi tal-foqra u tal-ibliet. Huwa kien kritiku għad-deċiżjonijiet li kien qed jieħu Johnson fejn tidħol il-Gwerra tal-Vjetnam.

Kandidat għall-President tal-Amerika

Nhar is-16 ta’ Marzu 1968, Kennedy ħabbar il-kandidatura tiegħu f’isem il-Partit Demokratiku għal President tal-Istati Uniti b’dal-kliem: “Minix ħiereġ għall-Presidenza biex sempliċiment nopponi lil xi ħadd imma biex nipproponi politika ġdida. Ħiereġ għax konvint li dal-pajjiż qabad triq perikoluża u għax għandi fehmiet qawwija dwar x’għandu jsir u nħossni obbligat nagħmel kulma nista’.”

Il-kampanja tiegħu kienet mibnija fuq ġustizzja razzjali u ekonomika, politika barranija mhux aggressiva, deċentralizzazzjoni tal-poter u bidla soċjali. Element kruċjali fil-kampanja tiegħu kienu ż-żgħażagħ li hu rahom bħala l-futur tas-soċjetà Amerikana ibbażata fuq koperazzjoni u ugwaljanza. Il-messaġġ tiegħu ta’ bidla nissel tama fl-Amerikani. Kennedy ried ikun il-pont li jgħaqqad Amerika mifruda. Kull fejn kien imur, Bobby kien jiġbed folol kbar. Lil ħafna kien ifakkarhom f’ħuh: l-aċċent tiegħu ta’ Boston, il-ġesti u d-dehra fiżika tiegħu.

In-New York Times tat-2 ta’ Ġunju 1968, irrappurtat hekk il-merħba li kienu tawh folla suwed f’California: “Il-folol jagħfsu fuqu b’mod allarmanti, tfal jaqbżu u jwerżqu u xjuħ jirriskjaw li jinqabdu taħt ir-roti tal-karozza ta’ Kennedy biex jaqbdulu idu. Hu u għaddej mit-toroq ta’ Oakland, it-traffiku ikollu jieqaf; tul sitt blokki f’East 14th Street, il-karozza tiegħu bilkemm setgħet tiċċaqlaq.”

Qabel qatluh, Bob ħadem qatigħ għan-nomina tiegħu, u rebaħ l-elezzjonijiet primarji importanti f’Indiana, Nebraska u California. Il-foqra fl-ibliet kienu saru tema ewlenija fil-kampanja tiegħu.

Bobby assassinat

Nhar il-5 ta’ Ġunju 1968, ftit wara nofs il-lejl, Bob indirizza lill-partitarji tiegħu wara rebħa kbira li għamel f’California, f’sala tal-ballu f’The Ambassador Hotel, Los Angeles. Mis-sala għadda mill-kċina tal-lukanda għax qalulu li kienet l-iqsar triq għall-press room. Fil-kuritur tal-kċina, dejjaq u mimli nies, Sirhan Bishara Sirhan, Palestinjan ta’ 24 sena, sparalu b’revolver. Kennedy ntlaqat darba f’rasu u darbtejn f’dahru, u ħames persuni oħra ndarbu. Kennedy miet l-għada filgħodu kmieni. L-aħħar kliem li qal ftit wara li ntlaqat kien: “Is everybody OK?… Everything’s going to be OK.”

Sirhan stqarr li qatel lil Kennedy għax dan kien appoġġja l-għajnuna tal-Amerika lil Israel wara l-Gwerra tas-Sitt Ijiem tal-1967. Sirhan għadu jservi sentenza ta’ għomru l-ħabs, fil-ħabs ta’ San Diego County f’California.

Fil-quddiesa tal-funeral, Ted Kennedy, l-uniku wieħed mill-aħwa subien li kien għadu ħaj qal hekk: “Mhemmx għalfejn li ħija jkun idolizzat, jew imkabbar f’mewtu iktar milli kien f’ħajtu; għandu jkun imfakkar sempliċiment bħala bniedem tajjeb u diċenti, li ra l-ħażin u pprova jikkoreġih, ra s-sofferenza u pprova jfejjaqha, ra l-gwerra u pprova jwaqqafha… Kif kien jgħid hu kemm-il darba lil dawk li miss jew kienu jippruvaw imissuh: ‘Xi nies jaraw l-affarijiet kif inhuma u jistaqsu għaliex. Jien noħlom affarijiet li qatt ma kienu u nistaqsi għaliex le’.” 

Sport