Saturday, November 16, 2024

Tifla taħt ordni ta’ ħarsien “mitlufa”?

Aqra wkoll

Għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-każ tat-tifla li allegatament inħarġet minn pajjiżna b’mod illegali  

Minn Carmen Cachia

It-tifla ta’ seba’ snin li kienet taħt ordni ta’ ħarsien u kellha tirritorna għand il-foster family tagħha tliet ġimgħat ilu, għadha ma nstabitx. Bħalissa għaddejja investigazzjoni mill-Pulizija lokali li talbet l-għajnuna tal-Europol iżda la l-awtoritajiet u lanqas il-foster parents tagħha ma jafu fejn hija. Din it-tifla allegatament inħarġet minn pajjiżna b’mod illegali minn ommha fuq titjira mill-ajruport tagħna. L-ORIZZONT għamel kuntatt mal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u mal-Pulizija biex jara jekk hemmx xi żviluppi f’dan il-każ. Sfortuntament jidher li m’hemmx. 

Kelliema tal-Ministeru qalet li bħalissa qegħdin isiru l-investigazzjonijiet mill-Pulizija u li huma għandhom fiduċja sħiħa fil-korp. Il-Ministeru diġà ħareġ stqarrija uffiċjali fejn intqal li l-omm u l-bint kienu lokalizzati f’pajjiz Ewropew. “F’dan l-istadju m’hemmx x’inżidu iktar. Inħallu l-investigazzjoni tieħu l-kors tagħha u kif ikun hemm xi żviluppi, aħna se ninfurmaw lill-pubbliku,” sostniet din il-kelliema.

Min-naħa tiegħu, kelliem għall-Pulizija qal lil dan il-ġurnal li l-pulizija qiegħda ssegwi l-iżviluppi u tassisti lid-Direttorat tat-Tfal. Mistoqsi dwar kif allegatament din it-tifla ħarġet minn pajjiżna b’dokumenti foloz, intqal li l-omm siefret lejn pajjiż fiż-żona Shengen u rriżulta li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew. Il-Pulizija tkellmet mal-Europol biex tassisti fil-każ u tgħin biex tiġi lokalizzata t-tifla.

Fl-istqarrija uffiċjali mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali kien ikkonferrmat li din it-tifla siefret b’mod illegali. Dan wara li waqt aċċess mhux sorveljat, li ġie deċiż minn bord tar-reviżjoni, l-omm naqset milli tirritorrna lill-minuri d-dar għand il-foster family tagħha. B’dan in-nuqqas kien infurmat id-Direttorat għall-Kura Alternattiva fejn il-ħaddiema soċjali, meta marru d-dar ta’ omm it-tifla, sabu l-bieb tar-residenza magħluq b’katnazz u vojt.

L-istqarrija tkompli tgħid li ftit sigħat wara l-Pulizija infumaw lill-istess Direttorat li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew fejn aktar tard fl-uffiċċju tal-immigrazzjoni fl-ajruport ta’ Malta rriżulta li t-tifla siefret b’mod illegali. 

Sadanittant l-omm li ħadet b’fostering lill-imsemmija tifla minn ċkunita u rabbietha għal dawn l-aħħar snin, qiegħda tappella lill-awtoritajiet biex isibulha lit-tifla għax tinsab inkwetata għaliha u trid isserraħ moħħha li almenu t-tifla tinsab tajba, sigura u li għandha l-bżonnijiet tagħha. 

L-omm qiegħda tirrikorri u ssemma’ leħinha permezz tal-mezzi tax-xandir u anke fil-midja soċjali fejn saħqet li mhuwiex sewwa li f’pajjiżna jseħħu dawn l-affarijiet u ma tistax tifhem kif, bit-teknoloġija li għandna llum, it-tifla nħarġet illegalment mill-pajjiż u anke kif din, għadha ma nstabitx.

Ekonomija

Sport