Sunday, December 22, 2024

Tiftaħ il-bibien edizzjoni oħra tal-fiera ‘I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi’

Aqra wkoll

Ingħata bidu għall-avveniment ‘I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi’, fiera tal-karrieri li ssir kull sena u li tindirizzata studenti tal-Istat, tal-Knisja u tal-iskejjel indipendenti li jkunu temmew l-edukazzjoni obbligatorja. Dan l-avveniment isir mal-perjodu tal-ħruġ tar-riżultati tas-SEC bl-iskop li jassisti lill-istudenti tas-Sena 11 (Form 5) biex jevalwaw l-għażliet tagħhom, ifittxu parir u jagħmlu l-għażliet it-tajba.

Waqt li żar il-fiera tal-karrieri, il-Ministru Clifton Grima qal, “Din hija opportunità oħra li biha l-istudenti jistgħu jesploraw aktar għażliet ta’ karrieri u hi opportunità eċċellenti biex l-istudenti jiksbu għarfien adekwat dwar korsijiet differenti li jistgħu jsegwu wara l-edukazzjoni obbligatorja”. Il-ministru żied li l-għan prinċipali tal-fiera tal-karrieri hu li tassisti lill-istudenti biex jagħmlu għażliet infurmati għall-futur tagħhom.

L-avveniment ‘I Choose’ jospita istituzzjonijiet u entitajiet edukattivi postsekondarji kif ukoll stands taħt saqaf wieħed dwar karrieri minn setturi varji, u huwa miftuħ ukoll għal studenti tas-Sena 10 (Form 4) biex jibdew jesploraw għażliet u possibbiltajiet ta’ karriera. Il-programm jinkludi preżentazzjonijiet differenti li jingħataw minn professjonisti f’diversi oqsma relatati biex jassistu kemm lill-istudenti kif ukoll lill-ġenituri. Matul l-avveniment jitwasslu wkoll għadd ta’ diskussjonijiet interessanti dwar karrieri varji minn kelliema u minn professjonisti li ġejjin minn diversi setturi, fosthom privati u oħrajn. 

Din il-fiera edukattiva hija miftuħa wkoll is-Sibt 23 ta’ Lulju mid-09:00 sas-13:00 fil-lukanda Phoenicia fil-Furjana. Aktar tagħrif dwar ‘I Choose – Nagħzel il-Karriera Tiegħi’ jinsab fis-sit elettroniku www.edu.gov.mt/ichoose.

L-istudenti jistgħu wkoll jaċċessaw is-sit ‘Explore More-My Journey Portal’, li fih l-istudenti u l-ġenituri/il-kustodji tagħhom jistgħu jiksbu informazzjoni dwar karrieri differenti u korsijiet postsekondarji disponibbli lokalment. L-informazzjoni hija ppreżentata b’mod interattiv b’videos qosra b’esperjenzi diretti minn persuni li jaħdmu fl-industrija u kwizz qasir li jgħin lill-istudenti jidentifikaw is-settur tax-xogħol li huwa ta’ interess għalihom. Il-websajt hi kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u tista’ tiġi aċċessata fuq http://exploremoreproject.eu/en/.

Parti importanti minn din il-fiera tal-karrieri hi l-gwida personalizzata li tingħata minn professjonisti lill-istudenti dwar l-għażla tal-karriera. Dorianne Gravina, Education Officer fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, qalet li huwa importanti li f’din il-fażi deċissiva ta’ ħajjithom, l-istudenti jieħdu parir li jkun jista’ jigwidahom għall-futur ta’ ħajjithom.

Ekonomija

Sport