Sunday, December 22, 2024

Tiġi ppreżentata t-Tieni Edizzjoni tal-Akkademja għan-Nisa Intraprendituri f’Malta

Aqra wkoll

Waqt riċeviment fit-30 ta’ Awwissu, Chargé d’Affaires tal-Istati Uniti Gwendolyn
“Wendy” Green tat merħba lil aktar minn 80 nisa, li applikaw għall-Akkademja għan-Nisa Intraprendituri (AWE) tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan. Din is-sena, l-Ambaxxata tal-Istati Uniti ssieħbet mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta biex timplimenta t-tieni iterazzjoni f’Malta ta’ dan il-programm globali ta’ intraprenditorija.

Il-programm AWE jipprovdi lin-nisa intraprendituri madwar id-dinja bl-għarfien, in-networks, u l-aċċess meħtieġa biex jibdew u jkabbru negozji ta’ suċċess. Il-parteċipanti se ikollhom l-opportunità li jidħlu f’kompetizzjoni għal somma flus, biex jinvestu fin-negozji tagħhom, billi jressqu pjanijiet ta’ negozju li żviluppaw permezz tat-taħriġ AWE.

F’kummenti, Chargé Green qalet, “Għandi pjaċir kbir li nniedi dan il-programm globali ta’ intraprenditorija f’Malta għat-tieni sena konsekuttiva wara s-suċċess kbir tal-programm tas-sena li għaddiet.” Hija nnotat li l-programm ta’ din is-sena ġibed partiċipazzjoni saħansitra akbar ta’ nisa bi mħabba għall-innovazzjoni u ħolma li jixtiequ jirrealizzaw. Chargé Green qalet, “Intraprendituri nisa bħalkom huma forza fis-suq li qed tikber u għandkom rwol kritiku x’taqdu fil-bini ta’ ekonomiji dinamiċi u innovattivi. Dan huwa l-iskop tal-Akkademja għan-Nisa Intraprendituri.”

Fil-kummenti tagħha, Marisa Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, qalet, “Irridu nkomplu nagħtu s-setgħa lin-nisa fid-dinja intraprenditorjali u nagħtuhom l-għodda meħtieġa biex jirnexxu u jikbru bla xkiel.” Is-Sinjura Xuereb qalet, “Il-Kamra tal-Kummerċ ssieħbet mal-Ambaxxata tal-Istati Uniti għax nifmu r-rwol fundamentali li n-nisa fin-negozju jistgħu jkollhom fit-tkabbir tal-ekonomija u l-iżvilupp tal-benessri tagħhom.”

Il-programm AWE jappoġġja l-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern tal-Istati Uniti dwar l-Ekwità u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi mmirata biex tavvanza l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa madwar id-dinja kollha. Implimentat fi kważi disgħin-il pajjiż, AWE għen lil aktar minn 16,000 nisa intraprendituri madwar id-dinja biex ikabbru n-negozji tagħhom u jadattaw għal realtajiet ekonomiċi ġodda taħt COVID-19.

Ekonomija

Sport