Friday, November 15, 2024

Tiġrijiet taż-żwiemel: Prestazzjoni memorabbli għal Rodney Gatt

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba fl-istorja sewwieq Malti kien verament qrib li jiġi nkurunat Champion Ewropew tas-Sewwieqa Professjonali hekk kif Rodney Gatt kellu prestazzjoni memorabbli matul il-jumejn ta’ kompetizzjoni li saret fil-koros ta’ Wallonie u Tongres il-Belġju.

Fl-ewwel jum wara 4 tiġrijiet Gatt kien qed jokkupa l-ewwel post tal-klassifika flimkien mas-sewwieq Taljan Alessandro Gocciadoro iżda Rodney kellu l-vantaġġ ta’ rebħa hekk kif fit-tielet tiġrija kien ħareġ rebbieħ biż-żiemel Oh Sama Cash.

L-impenji tat-tieni jum raw lil Rodney jiftaħ vantaġġ ta’ 8 punti fuq is-sewwieq tas-Serbja hekk kif il-Malti temm it-tiġrija fit-3 post u dak Taljan kien skwalifikat. Fit-tieni tiġrija Gocciadoro rkupra d-distakk hekk kif rebaħ dan l-inkontru b’Rodney jispiċċa r-raba’ b’żiemel diffiċli ferm.

Kollox deher li se jkun deċiż fl-aħħar tiġrija hekk kif kienu biss żewġ punti jifirdu lit-Taljan u l-Malti fejn kien jiddependi ħafna min se jokkupa l-aktar pożizzjoni vantaġjużi fit-tiġrija. Sfortunatament iż-żiemel ta’ Rodney Gatt ħass id-distanza u ma kellux biex jirribatti fl-aħħar fażi u Gocciadoro deher jaqsam il-linja finali ftit qabel il-Malti. Madanakollu peress li ż-żiemel tat-Taljan kien deher ikollu ftit ta’ diffikultà kmieni fit-tiġrija kellna nistennew id-deċiżjoni tal-ġurija jekk kienx se jkun skwalifikat jew le. Iżda d-deċiżjoni inqatgħet favur it-Taljan biex għalhekk kien iddikjarat rebbieħ tal-Kampjonat. Rodney Gatt spiċċa t-tieni fil-klassifika finali 4 punti biss wara r-rebbieħ.

Din hi l-aqwa prestazzjoni għall-sewwieq Malti f’dan il-kampjonat prestiġjuż għal sewwieqa professjonali. Dan ifisser ukoll li għat-tielet darba Malta għandha parteċipazzjoni assigurata fil-kampjonat dinji li se jsir l-Italja s-sena d-dieħla. Din hija t-tieni darba li Rodney Gatt ikkwalifika għall-kampjonat dinji wara li kien ħa sehem fl-aħħar edizzjoni li saret l-Isvezja fl-2019.

Ekonomija

Sport