Is-Sibt filgħaxija ingħata bidu għall-Kampjonat Ewropew għal Sewwieqa Professjonali b’erba’ tiġrijiet fil-Korsa ta’ Wallonie Mons il-Belġju.
Ir-rappreżentant Malti, Rodney Gatt, ma setax kellu bidu aħjar hekk kif spiċċa l-ġurnata jokkupa l-ewwel post tal-klassifika b’total ta’ 37 punt daqs is-sewwieq Taljan iżda bi pjazzamenti aħjar hekk kif Rodney irnexxielu jirbaħ waħda mit-tiġrijiet.
Fl-ewwel tiġrija Gatt spiċċa fit-tielet post bid-debba Miss Photo b’rebħa li marret għand is-sewwieq Serb Miodrag Pantic. Fit-tieni tiġrija Rodney Gatt daħal fir-raba’ post biż-żiemel Izir Josselyn bir-rebħa jeħodha il-Ġermaniż Michael Nimczyk
Fit-tielet tiġrija ħareġ rebbieħ fuq iż-żiemel Oh Sama Cash fejn għalkemm kellu jiġri fil-mikxuf kważi d-distanza kollha r-rebħa kienet tidher waħda faċli.
Fir-raba’ u l-aħħar tiġrija tal-ġurnata sfortunatament kien skwalifikat biż-żiemel Nectar RL u hawn rebbieħ kien l-Isvediż Ulf Ohlsson.
L-impenji ta’ Rodney issa jkunu l-Ħadd bi tliet tiġrijiet fil-korsa ta’ Tongres fejn jiġi deċiż iċ-champion il-ġdid tal-Ewropa.