Saturday, December 14, 2024

Tiġrijiet taż-żwiemel: Żgħażagħ Maltin b’esperjenza vokazzjonali fi Franza

Aqra wkoll

Bejn l-10 u t-13 ta’ Lulju għaxar żgħażagħ Maltin ivvjaġġaw lejn Boissy St Leger, fi Franza, biex ħadu sehem f’żewġ korsijiet intensivi ta’ erbat ijiem, wieħed bażiku u ieħor avvanzat dwar taħriġ, kura u żamma ta’ żwiemel tat-trott organizzat minn waħda mill-aqwa skejjel fid-dinja f’dan il-qasam, AFASEC. Dawn il-korsijiet saru fiċ-ċentru tat-taħriġ ta’ Grosbois, ikkunsidrat l-aqwa ċen­tru Ewropew tat-taħriġ taż-żwiemel.

Dawn iż-żgħażagħ kienu Denilson Cortis, Neil Fenech u Nelson Azzopardi li għamlu l-kors avvanzat u li għalihom din kienet it-tieni esperjenza f’Grosbois u Mark Anthony Galdes, Miguel McKay, Jaydon Cutajar, Francesco Spiteri, Luca Brincat, Glen Calleja u Marco Bartolo. Dawn tal-aħħar għamlu l-ewwel kors. 

Huma kienu akkumpanjati minn Dr Kenneth Vella, edukatur u li għal ħafna snin ilu nvolut f’dan l-isport u jikkollabora ma’ Afasec.   

L-iskola AFASEC hija kkunsidrata fost l-ewlenin mhux biss fi Franza iżda fid-dinja u minn taħt l-għalliema tagħha għaddew uħud mill- aqwa jockeys, trainers u sewwieqa Franċiżi. Dan anki għax tikkollabora mal-assoċjazzjonijiet Franċiżi Le Trot u France Galop li huma sieħba tagħha u għandha l-appoġġ ukoll tal-Ministeri tal-Edukazzjoni u tal- Biedja tal-pajjiż. Għandha wkoll is-sostenn anki tal-għaqdiet li jirrapreżentaw lis-sewwieqa, trainers, jockeys u sidien Francizi. Attwalment AFASEC taħdem minn ħames ċentri u seba’ residenzi mxerrda ma’ Franza kollha u matul is-snin laħqet ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ skej­jel oħra Ewropej. 

F’pajjiżi oħra Ewropej bħall-is­tess Franza u pajjiżi Skandinavi, l- isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel huwa kkunsidrat industrija kbira u mhux sempliċiment sport.  Fl-aħħar snin, AFASEC jew L’Ecole Des Courses Hippiques bdiet toffri korsijiet u esperjenzi prattiċi fiċ-ċentri tagħha mhux biss lil żgħażagħ Franċiżi iżda anki lil oħrajn minn diversi pajjiżi fosthom Skandinavi (Svezja u Finlandja). 

Ta’ min wieħed jinnota li l-korsijiet vokazzjonali offruti minn AFASEC huma rikonoxxuti mill-ogħla istituzzjonijiet edukattivi Francizi u ċertu korsijiet offruti jitilgħu saħansitra sa livell ta’ baċċelerat jew dip­loma. 

Il-kors li għamlu l-istudenti Maltin f’livell avvanzat inkluda mhux biss sessjonijiet prattiċi dwar sew­qan ta’ żwiemel, iżda anki tagħrif bażiku dwar is-sengħa tan-nagħal, il-kura tad-difer taż-żiemel u l-bidu uffiċjali tat-tiġrijiet fi Franza. 

Min naħa l-oħra dawk l-istudenti li għamlu l-kors bażiku wkoll tħarrġu dwar il-kura u preparazzjoni taż-żiemel, is-sewqan, il-fiżjonomija taż-żiemel u l-kura fil-klinika. Huma kienu mgħallma minn għalliema kwalifikati u ta’ esperjenza vasta f’dan l-isport. 

Waqt din iż-żjara fi Grosbois, Dr Vella kellu wkoll iċ-ċans jiltaqa’ ma’ Guillaume Herrnberger, Direttur Ġenerali tal-iskejjel AFASEC fi Franza u Florence Pierret, il-kap tal-iskola fi Grosbois. Huma qablu li din il-ko-operazzjoni fil-qasam edu­kattiv għandha titkompla anki fis-snin li ġejjin billi wieħed jibqa joffri esperjenzi simili u korsijiet oħra ġodda u innovattivi. Dan grazzi wkoll għall-ftehim ta’ kollaboraz­zjoni ffirmat mal-entitá edukattiva Mindful Education Malta mwaqqfa dan l-aħħar minn Elaine Azzopardi, edukatriċi u minn Dr Kenneth Vella. 

Waqt din il-laqgħa Dr Vella rringrazzja lil Herrnberger u Pierret tal-fiduċja tagħhom u lil Elaine Az­zopardi tal-ħidma tagħha biex din l-esperjenza memorabbli saret realta’ għall-istudenti Maltin. Mindful Education Malta għandha l-għan li toffri esperjenzi edukattivi innovattivi kemm lill-istudenti żgħażagħ u anki dawk adulti. Informazzjoni dwar aktar korsijiet u inizjattivi titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.    

Ekonomija

Sport