Minkejja l-aħħar studju fost il-Maltin, li wera li 69% tal-poplu wrew li għandhom fiduċja sħiħa fil-Korp tal-Pulizija u t-tmexxija tiegħu, madankollu l-Korp jidher li mhux se jieqaf hawn u se jkompli billi jaħdem biex ikattar il-fiduċja tan-nies lejh u jkompli jadatta skont l-eżiġenzi tas-soċjetà tal-lum.
Kien għalhekk li l-Korp tal-Pulizija mbarka fuq strateġija li għandha twassal sal-2025 biex ikun assigurat li jkollna soċjetà sigura għal kulħadd. Fil-qalba ta’ din il-bidla hemm tliet elementi ewlenin: Korp eqreb tan-nies, Korp aktar professjonali u Korp aktar fdat.
Kruċjali f’din il-bidla kienet il-preżenza ta’ aktar pulizija fit-toroq tal-ibliet u l-irħula tagħna. Is-servizz tal-community policing qed ikun strumentali biex iċ-ċittadini jkollhom aktar moħħhom mistrieħ li se jkollhom fuq min iduru f’każ ta’ emerġenza. Fil-fatt, dan is-servizz diġà jkopri 75% ta’ Malta u sal-aħħar tal-2023 is-servizz mistenni jiġi estiż mal-pajjiż kollu.
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sab li l-poplu Malti u Għawdxi għandu l-ogħla rata ta’ fiduċja fil-Korp f’dawn l-aħħar 10 snin. Ir-rata ta’ 69% hija waħda mill-ogħla rati bħala medja fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Din ir-rata kienet tfisser qabża ta’ 15% fuq ir-rapport preċedenti tal-Ewrobarometru.
Nemmnu li l-fatt li tjiebu ħafna l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-pulizija permezz tal-ftehim kollettiv li kien iffirmat u kif ukoll l-għoti ta’ ħlas ta’ sahra li kienu intitolati għalih u li kien ilhom snin ma jitħallsu tiegħu qed iħalli l-frott għaliex qed iġib aktar kuntentizza fost il-membri tal-Korp. Kuntentizza li tfisser ħidma aktar effiċjenti min-naħa tal-pulizija fil-gradi kollha.
Nemmnu li aktar ma jkun hemm investiment, anke fir-riżors uman fil-Korp tal-Pulizija, bil-għan li tiżdied is-sigurtà u biex tkun tista’ taqdi dmirha aħjar f’dik li hi ħarsien tal-liġi, se twassal biex tkompli titkattar il-fiduċja fl-istess Korp.
Irridu nżommu quddiem għajnejna li l-Pulizija huwa l-korp ewlieni li jiġġieled il-kriminalità u r-reati kollha fil-pajjiż. Għalhekk f’dan il-kuntest il-pulizija jridu jsibu wkoll l-għajnuna u l-koperazzjoni tas-soċjetà kollha sabiex tassew li f’pajjiżna tirrenja l-ġustizzja u s-saltna tad-dritt għal kulħadd.