Thursday, April 18, 2024

Uffiċjal tas-saħħa Ċiniż iwissi lil poplu biex “ma jmissx ma’ persuni barranin” wara li nstab każ ta’ monkeypox

Aqra wkoll

Uffiċjal għoli tas-saħħa taċ-Ċina wissa lill-poplu ta’ pajjiżu biex “ma jmissx ma’ barranin” u dan ġurnata wara li fiċ-Ċina nstabet l-ewwel infezzjoni tal-monkeypox.  F’kumment fuq is-sit Weibo, l-epidemjologu ewlieni taċ-Ċina Wu Zunyou wissa kontra “kuntatt  ta’ ġilda ma’ ġilda ma’ barranin” liema kumment qajjem kontroversja kbira tant li wħud qalu li dan huwa kumment razzist. Din il-kontroversja wasslet biex is-sezzjoni tal-kummenti fuq il-pjattaforma Weibo tingħalaq. Il-kumment ta’ Wu sar wara li ġewwa Chongqing, li tinsab fil-Lbiċ taċ-Ċina, instab l-ewwel każ ta’ monkeypox fuq individwu li kien ġej minn barra l-pajjiż. S’issa għadu mhux magħruf jekk dan hux ċittadin Ċiniż jew le. 

Bosta minn dawk li kkritikaw dan il-kumment qalu li dak li qal Wu ma kienx etiku u dan meta wieħed jiftakar kemm il-komunità internazz­jonali ddefendiet lill-poplu Ċiniż fil-pandemija tal-Covid-19. 

Il-virus tal-monkeypox, li jiġi trażmess permezz ta’ kuntatt mill-qrib ma’ persuni infettati, annimali jew materjal ikkontaminat, jikkawża sintomi bħal deni, uġigħ ta’ ras u raxx. S’issa l-virus tal-monkeypox instab f’madwar 90 pajjiż li huma mejqusa bħala mhux endemiċi għal dan il-virus, u kawża ta’ hekk l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa kienet iddikjarat emerġenza globali tas-saħħa.

Ekonomija

Sport