Wednesday, December 25, 2024

Tilfet għajnha waqt il-protesti fl-Iran … biża’ kontinwa li tispiċċa ma tarax għalkollox

Rappreżentanta tal-moviment Nisa, Ħajja u Libertà fl-Iran dwar is-sofferenzi li jgħaddu minnhom il-protestanti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-attivista Iranjana Mersedeh Shahinkar kompliet fejn ħalliet Najafi fid-diskors tagħha u qalet li Mahsa Amini nqatlet wara li niżlet tipprotesta fit-toroq. Żiedet li hija wkoll kienet ħadet sehem f’dawn il-protesti, li tqis dan bħala d-dritt tagħha, kontra s-soppressjoni ta’ dak li kienet għaddejja minnu. Iddeskriviet il-kriżi f’pajjiżha bħala “akbar milli wieħed jaħseb”. 

“Il-hijab tista’ tgħid sar simbolu sabiex niġġustifikaw illi anke aħna għandna d-drittijiet,” qalet Shahinkar. “Niftakar li wara li bdew il-protesti ħafna żgħażagħ spiċċaw il-ħabs u sfaw ittorturati, jew bħali li sofrejt ġrieħi estensivi f’għajni. Kien hemm min tilef għajnejh it-tnejn.”

Hija kompliet tgħid li ħafna persuni mill-Kurdistan intlaqtu wkoll minn tiri bil-konsegwenzi li spiċċaw tilfu saqajhom. Oħrajn sparawlhom f’sidirhom jew fil-partijiet privati tagħhom. “Dak li ħadu sempliċiment għax riedu jgħixu ħajja normali kif jixtiequ huma. Imkien fid-dinja m’għandu jsir dan,” qalet Shahinkar. 

“Bħala omm ta’ tifla ta’ 11-il sena, kont naf li meta se mmur nipprotesta, kollox jista’ jiġri. Imma qatt m’għaddieli minn moħħi li jistgħu joqtluk. Sfortunatament, kont milquta f’għajnejja u weġġajt ħafna. Nibża’ li nitlef id-dawl t’għajnejja għalkollox.” 

Shahinkar tenniet li bħala moviment se jkomplu jiġġieldu biex jiksbu dak li huwa d-dritt tagħhom u appellat lid-dinja kollha sabiex jagħtuhom l-appoġġ li għandhom bżonn u “mill-kliem ngħaddu għall-fatti.”

Il-finalisti l-oħra tal-Premju Sakharov

Il-finalisti l-oħra għall-Premju Sakharov kienu: Vilma Núñez de Escorcia u l-Isqof Rolando José Álvarez Lagos min-Nikaragwa u n-nisa li jiġġieldu għal abort bla ħlas, sigur u legali fil-Polonja, el Salvador u l-Istati Uniti tal-Amerika. 

Vilma Nuñez ilha tiġġieled għad-drittijiet tal-bniedem tan-Nikaragwani għal għexieren ta’ snin. Minkejja l-persekuzzjoni, hija tibqa’ f’pajjiżha. Rolando Álvarez, l-Isqof ta’ Matagalpa, kien wieħed mill-aktar kritiċi prominenti tar-reġim tal-President Daniel Ortega. Fi Frar 2023, wara li rrifjuta li jitlaq mill-pajjiż, huwa ġie kkundannat għal 26 sena ħabs u n-nazzjonalità tiegħu ġiet sospiża.

Justyna Wydrzyńska hija difensur Pollakka tad-drittijiet tan-nisa u membru tal-Abortion Dream Team, li ġiet ikkundannata għal tmien xhur servizz komunitarju talli għenet lil mara tikseb abort fil-Polonja. Morena Herrera hija attivista femminista u soċjali, favur l-aċċess sigur u legali għall-abort f’El Salvador. Colleen McNicholas hija ostetriku-ġinekologu Amerikana b’rekord qawwi ta’ kura tal-pazjenti ta’ kwalità għolja li tippromwovi s-saħħa riproduttiva b’mod li jħalli impatt.

Ekonomija

Sport