Monday, December 23, 2024

“Tim Malta lest mill-ġdid biex imexxi l-pajjiż… il-futur f’idejk”

Aqra wkoll

Waqt l-aħħar diskors tiegħu fi tmiem il-kampanja elettorali 2022, il-Prim Ministru Robert Abela staqsa lill-folla li nġabret quddiemu kif jista’ xi ħadd imexxi pajjiż li jistħi jgħid li jgħix fih.

Il-Prim Ministru rringrazzja lil kulħadd tal-appoġġ fl-aktar mumenti diffiċli u rringrazzja lill-pubbliku tal-għożża li wrieh f’dawn il-ġimgħat. “Iżda fuq kollox grazzi ta’ kemm tħobbu lil dan il-pajjiż”, saħaq Abela.

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-istrateġija li qiegħed jaddotta l-Partit Nazzjonalista turi li jaf li mhuwiex alternattiva.  

Huwa qal li l-poplu jrid jibda billi jiddeċiedi jekk iridux biex bħala Prim Ministru jkompli jmexxi lil dan il-pajjiż ’il quddiem. Minn hemm imbagħad hu jkun jista’ jibda jibdel l-elf proposta fil-manifest tal-Partit Laburista f’elf kisba għall-poplu kollu inklużi tfal, żgħażagħ u pensjonanti.

Tenna jgħid li b’vot b’saħħtu nhar is-Sibt, il-Maltin u l-Għawdxin jistgħu jwasslu messaġġ kontra dawk li jridu l-firda f’dan il-pajjiż. 

Fost riformi oħra li tkellem dwarhom, Abela qal li l-familja hija s-sinsla ta’ dan il-pajjiż. Fakkar kif gvern Laburista ħares l-impjiegi u għen lin-negozji biex jinċentiva l-bżulija u s-suċċess tal-poplu.

“Il-Partit Nazzjonalista għadu marbut mal-ktajjen tal-passat. Huma jitkellmu dwar kollox imma aħna nwettqu. Huma jifirdu u aħna ngħaqqdu, huma jweġġgħu lil pajjiżna u aħna naħdmu biex ngħolluh ’il fuq. Huma jnaqqsu t-taxxi għall-ftit u aħna nnaqqsu t-taxxi għall-ħafna”, saħaq il-Prim Ministru.

F’appell biex il-poplu jisilfu l-fiduċja għall-ewwel mandat tiegħu, Abela sostna li bħala pajjiż jeħtieġ li l-poplu jingħaqad f’ponn wieħed favur aktar bidliet.

Ekonomija

Sport