Tim Malti b’saħħtu qed jipprepara biex jirrappreżenta lil pajjiżna fil-kompetizzjoni prestiġjuża Dragons World Festival World Cup, li se jsir fis-7 u t-8 ta’ Novembru 2026 f’Castellammare del Golfo, fi Sqallija.
Tliet klabbs Maltin – Team Jalen, The Basement u Wu Shuky – ingħaqdu flimkien biex jiffurmaw tim ta’ 20 kompetitur dedikat, li huma lesti jirrappreżentaw lil Malta bi kburija, determinazzjoni u spirtu ta’ ġlied.
Mark Manicolo, Kenneth Scherri u Alan Borg se jkunu qed imexxu lil Team Jalen, The Basement u Wu Shuky rispettivament. Il-kompetituri se jieħdu sehem fi tliet dixxiplini ta’ sport tal-ġlied – il-Kickboxing, il-K-1 u l-Boxing – fejn se jiffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali u jittestjaw il-ħiliet tagħhom kontra atleti minn pajjiżi differenti.
Wara din l-opportunità hemm sigħat twal ta’ tħejjija, kamp ta’ taħriġ impenjattiv, ħafna xogħol iebes, dixxiplina u dedikazzjoni. Kull kompetitur għamel l-isforz meħtieġ, għadda minn sagrifiċċji u ħadem biex jilħaq dan l-għan għal din l-isfida importanti. Il-kowċis ħadmu bla heda biex iħejju lill-atleti tagħhom, kemm fiżikament kif ukoll mentalment, għall-kompetizzjoni li ġejja.




