Sunday, December 22, 2024

Tinfetaħ inkjesta b’rabta ma’ ittra ta’ theddid li rċeviet il-Maġistrat Nadine Lia

Aqra wkoll

Infetħet inkjesta maġisterjali b’rabta ma’ ittra b’theddida li rċeviet il-Maġistrat Nadine Lia.

Skont ma’ qiegħed ikun irrappurtat jidher li fl-ittra hemm kitba li twissi li l-karriera u l-ħajja personali tagħha kienu se jitkissru u li messha warrbet mill-kawża relatata mal-Bank Pilatus. Ftit tal-jiem ilu l-Maġistrat Nadine Lia rrifjutat li tirrikuża lilha nnifisha minn din il-kawża.

L-għaqda Repubblika talbet li ma tkunx hi li tisma’ t-talba li qed tagħmel biex il-Pulizija tressaq fil-Qorti diversi individwi b’rabta mal-istess kawża.

Wara li l-Maġistrat Lia ma laqgħetx it-talba, l-imsemmija għaqda fetħet kawża kostituzzjonali.

B’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard wera s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Maġistrat Lia u qal li ebda theddid ma jista’ qatt jiġi tollerat.

Huwa qal li bħala ministru tal-ġustizzja jikkundanna kull theddid li jista’ jkun maħsub biex membri tal-ġudikatura ma jwettqux xogħolhom f’serenità.

Qal li kull minn jemmen fis-saltna tad-dritt għandu jirrispetta l-proċessi ġudizzjarji u iktar minn hekk iħallihom isiru fil-Qrati skont il-liġijiet tal-pajjiż b’rispett lejn l-istituzzjonijiet.

Intant fir-reazzjoni tagħha, l-Għaqda Repubblika kkundannat din l-ittra ta’ theddid u sostniet li n-nuqqas ta’ qbil għandu jiġi espress b’mod ċivili u fil-limiti tal-liġi. 

Ekonomija

Sport