Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, ilbieraħ filgħaxija fetaħ uffiċjalment l-64 edizzjoni tal-Malta Trade Fair.
“It-trade fair minn dejjem kienet waħda mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju sajfi Malti, u maż-żmien baqgħet ħarġa mistennija għall-familja kollha,” qal il-Ministru Schembri.
Huwa żied jgħid li bħall-ekonomija ta’ pajjiżna, it-trade fair hija dinamika u mal-mixja taż-żminijiet inbidlet u t-teknoloġija ġabet ukoll bidla fil-prodotti esebiti, iżda baqgħet iżżomm element wieħed b’saħħtu matul iż-żmien, dik li tgħaqqad lill-esebitur mal-konsumatur.
“It-trade fair bdiet wara t-Tieni Gwerra Dinjija bħala proġett biex tistimola l-ekonomija ta’ dak iż-żmien u dan ukoll baqa’ element preżenti fil-fiera, speċjalment is-sena li għaddiet meta rajna l-Malta Trade Fair terġa’ tibda tittella’ mill-ġdid wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-Covid, u llum hija ferm akbar,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Anita Mifsud, il-Kap Eżekuttiv tal-MFCC, fejn għal darb’oħra qed tittella’ l-Malta Trade Fair, qalet li din is-sena riedu jgħaqqdu żewġ elementi tipiċi tas-sajf Malti, it-trade fair u l-festi u għalhekk ħolqu atmosfera tal-festa Maltija.
Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, qalet li sa mit-twaqqif tagħha mill-ewwel edizzjonijiet f’San Anton u wara fit-Trade Fair Grounds fin-Naxxar u llum fl-MFCC, il-fiera dejjem kienet mera ta’ dak li jkun qed jiġri f’pajjiżna u ta’ kull sena dejjem toffri prodotti ġodda u innovattivi għall-konsumatur Malti.
Il-Ministru Silvio Schembri rringrazzja lill-imsieħba soċjali, lill-organizzaturi, u lill-esibituri li lkoll flimkien jagħmlu din il-fiera, u fuq kollox lill-konsumaturi li jibqgħu l-qofol tas-suċċess tal-fiera.