Bħalissa qed tingħata l-aħħar tislima lil Mikhail Gorbachev, l-eks mexxej Sovjetiku li ġab fi tmiemha l-Gwerra Bierda b’mod paċifiku.
Il-funeral li beda għall-ħabta tal-10:00 a.m. qed isir f’Moska fir-Russja u ċ-ċerimonja għandha tibqa’ għaddejja sa waranofsinhar. Gorbachev miet fl-età ta’ 91 sena.
Intqal li l-President Russu Vladimir Putin mhux se jkun qed jattendi għall-funeral ta’ Gorbachev minħabba impenji oħra ta’ xogħol. Dan qed jitqies bħala nuqqas ta’ rispett min-naħa tal-President lejn Gorbachev. Oħrajn qalu li Putin diġà wera r-rispett tiegħu billi l-Ħamis li għadda poġġa l-fjuri ħdejn it-tebut ta’ Gorbachev fis-sala mortwarja fl-isptar ta’ Moska.
Gorbachev, l-arkitett tal-Peresttroika u l- Glasnost, kien fetaħ l-Unjoni Sovjetika għad-dinja u introduċa sett ta’ riformi kbar. L-istess riformi iżda ma setgħux jipprevjenu l-kollass bil-mod il-mod tal-Unjoni Sovjetika, li minnha ħarġet ir-Russja moderna.