Dalgħodu fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera ngħatat l-aħħar tislima lil Joe Grech, il-kantant Bormliż jibqa’ magħru l-aktar għall-introduzzjoni tal-kant tal-Ilsien Malti lill-udjenza internazzjonali. Grech miet fl-età ta’ 90 sena, propju fit-28 ta’ Diċembru.
Waqt l-omelija intqal kif Joe kif kien imdawwar b’ħafna mħabba u llum qed igawdi l-imħabba kbira tal-Mulej Ġesù u li Joe kien jagħti ħafna għajnuna lil ħaddieħor, għajnuna li jaf biha biss il-Mulej. Fost dawk li kienu preżenti waqt il-funeral, spikka l-mument fejn il-Monsinjur Victor Grech, emozzjonat, bierek it-tebut ta’ ħuh Joe.
Grech se jibqa’ sinonimu mal-Eurovision tal-1971, meta ipparteċipa bil-kanzunetta ‘Marija l-Maltija’. Tul il-karriera tiegħu, Grech kanta f’diversi pajjiżi barranin – fosthom l-Italja, l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Kanada u anke fl-Awstralja. U fl-1977 kien wassal show fir-Royal Opera House ta’ Sydney.
Apparti l-karriera fil-mużika, Joe Grech kien ukoll volontiera mal-Caritas u ħadem flimkien ma’ ħuh, Monsinjur Victor Grech. Grech kien miżżewweġ lil Josephine, u kellhom tifla.