Saturday, May 4, 2024

Tingħata l-aħħar tislima lill-Granmastru Fra Matthew Festing

Aqra wkoll

F’funeral meqjus bħala wieħed storiku, illum wara nofsinhar ingħatat l-aħħar tislima lid-79 Gran Mastru tal-Ordni Sovran ta’ Malta Fra Matthew Festing li miet f’Malta fit-12 ta’ Novembru fl-età ta’ 71 sena. Dan kien avveniment storiku b’mod speċjali minħabba l-fatt li kien ilu iktar minn 230 sena ma jsir funeral ta’ Granmastru f’Malta, apparti mill-fatt li l-aħħar difna ta’ Gran Mastru li saret ġewwa l-kripta tal-Konkatidral seħħet aktar minn 400 sena ilu.

Il-quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta ġiet ċċelebrata mill-Eminenza Tiegħu Silvano Maria Cardinal Tomasi C.S., Delegat Speċjali tal-Papa għall-Ordni Sovran ta’ Malta.

Bi tħejjija għall-funeral tal-Gran Mastru Festing, aktar kmieni din il-ġimgħa l-Arċisqof Scicluna bierek il-qabar fejn indifen.

Id-difna tiegħu saret f’forma privata fil-kripta tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-kripta reġgħet infetħet għall-pubbliku f’Jannar tal-2020 wara proġett ta’ restawr ta’ 13-il sena. Fiha hemm midfuna 11-il Gran Mastru li mexxew l-Ordni bejn l-1522 u l-1623. Dan ifisser li Fra Matthew Festing huwa t-12-il Gran Mastru tal-Ordni li ġie midfun fil-kripta.

Huwa twieled l-Ingilterra fl-1949 u sar membru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta fl-1977. Festing kien Gran Mastru tal-Ordni Sovran ta’ Malta mill-2008 u serva sa Jannar tal-2017.

Preżenti għall-funeral tiegħu kien hemm l-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Fost dawk li fl-aħħar jiem sellmu l-memorja tiegħu kien hemm il-President Vella fejn fakkar iż-żjara uffiċjali li għamel f’Malta fl-2016, li matulha qal li kellu l-privileġġ li jakkumpanjah uffiċjalment.

Sport