Saturday, April 27, 2024

“Ma nimmaġinanix mingħajr is-sajd, il-baħar u l-luzzu” – Jesmark Scicluna, attur prinċipali tal-film ‘Luzzu’

Aqra wkoll

Jesmark Scicluna, sajjied mis-Siġġiewi, kellu l-parti prinċipali tal-film tant popolari Malti, Luzzu. Ħafna nies raw dan il-film fis-swali taċ-ċinemas lokali u baqgħu skantati bil-livell għoli tal-filmati, l-istorja ferm intriganti iżda li żżommok u x-xenarji meraviljużi tal-gżejjer Maltin partikolarment ir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk.

Il-film Luzzu tad-direttur u kittieb Malti Amerikan, Alex Camilleri, għandu cast u produzzjoni Maltija, u beda jintwera fis-swali ewlenin taċ-ċinemas Maltin mill-ewwel ġimgħa ta’ Settembru.

Il-film kien possibli permezz tal-appoġġ ta’ Screen Malta u l-inċentivi tal-Kummissjoni Maltija għall-Films.

Ftit tal-ġranet ilu, Scicluna rebaħ il-World Cinema Dramatic Special Jury Award fis-Sundance Film Festival. B’hekk dan il-film għamel il-premiere dinji tiegħu f’Sundance riċentement u bla dubju li din hi xi ħaġa li ftit rajna bħalha. 

Talk.mt bħas-soltu mar f’ras il-għajn u tlabna intervista mal-attur Jesmark Scicluna li aċċettaha bil-qalb kollha.

YouTube video

F’Jesmark Farrugia wieħed seta’ jara l-umiltà tal-karattru tiegħu fejn minkejja li kiseb popolarita’ kbira b’dan il-film, baqa’ saqajh mal-art. Hu stess lanqas biss kien qed jistenna li dan il-film kien se jagħmel suċċess kbir, aktar u aktar meta hu qatt ma ħadem f’film qabel.

“Ma kontx qed nistenna dan kollu biex ngħidlek il-verità. Tista’ tgħid li kelli rispons kbir mingħand il-pubbliku. Film li għalija kien żgħir, issa sar kbir tant li dar l-erbat irjieħ tad-dinja wkoll. Kburi li kont parti minn dan il-proġett u nirringrazzja lil min fdali din il-parti.”

Kif semmejna, Jesmark hu sajjied u dan il-fattur għenu ħafna sabiex jaħdem il-parti prinċipali b’mod naturali ħafna. Hu qal li bħala sajjied iqatta’ ħafna ħin fuq il-baħar, dara’ l-movimenti tad-dgħajsa li għandu u ra ħafna tipi ta’ ħut filwaqt li jagħraf il-ħuta t-tajba minn dik il-ħażina. 

Iżda la wieħed qed jitkellem fuq is-sajd, kemm hi apprezzata din l-industrija f’pajjiżna?

“Nemmen li din l-industrija hi apprezzata għalkemm xi kultant in-nies ma jifhmux eżatt il-valur tal-ħuta sa minn meta tinqabad u tasal dritt dritt fuq il-mejda tal-ikel. Hemm proċess twil li jinvolvi ħafna spejjeż li dawn ma jidhrux iżda hemm qegħdin. Fl-istess waqt tieħu gost meta tisma’ n-nies fir-ristoranti jitolbu li jieklu l-ħuta lokali u għalhekk nemmen li dan ix-xogħol hu apprezzat. Forsi hemm bżonn aktar għarfien min-nies kemm aħna s-sajjieda nbatu u noħorġu ħafna flus sabiex inwasslulhom il-ħut frisk.”

Peress li Jesmark hu bniedem mis-Siġġiewi, dan is-sit staqsih kif ġietu l-ħajra li jsir sajjied. Hu qalilna li minn dejjem kellu mħabba kbira lejn l-ilma tant li litteralment meta kien żgħir ma kienx ikun hemm għadira li ma kienx jaqbeż direttament fuqha. Barra minn hekk, anke l-familja kellha mħabba speċjali lejn is-sajd fejn ġieli mar ma’ missieru għal xi sajda u man-nannu fejn kien jilgħab b’xi kopp jew inkella qasba. Naturalment aktar ma beda jitfarfar, din in-namra lejn is-sajd kompliet titkattar. 

Il-film Luzzu tant kiseb popolarità li ftit tal-jiem ilu kiseb unur fil-World Cinema Dramatic Special Jury Award fis-Sundance Film Festival.

“bla dubju li dan hu unur kbir. Biex l-affarijiet ikomplu sejrin tajjeb, ġejna wkoll nominati għall-oscar”

“Bla dubju li dan hu unur kbir! Li tkun parti minn dan il-festival hi xi ħaġa prestiġġjuża. Biex l-affarijiet ikomplu sejrin tajjeb, ġejna wkoll nominati għall-Oscar. Il-fatt li dan il-film qed idur l-erbat irjieħ tad-dinja filwaqt li qed tinstema’ l-lingwa Maltija b’sottotitoli barranin hi xi ħaġa sabiħa. Nemmen ukoll li dan l-unur se jagħti imbuttatura kbira kif ukoll kuraġġ lill-produtturi tal-film lokali biex jagħmlu xi ħaġa simili.”

Ovvjament, Jesmark Farrugia minkejja li xogħlu mhux attur, sar ferm popolari man-nies fejn mhux l-ewwel darba li jwaqqfuh in-nies sabiex ikellmuh jew jitolbuh jiffirmalhom.

“Din hi xi ħaġa li drajtha għalkemm jien bniedem li nkellem lil kulħadd għax il-fama ma tagħmilx bija. Veru li ħajtek tinbidel iżda warakollox, jien bniedem bħal ħaddieħor, irrid naħdem biex naqla’ l-ħobża ta’ kuljum u għalhekk importanti li dejjem inżomm saqajja mal-art!”

Iżda Jesmark kapaċi jħalli s-sajd u jmur barra minn Malta sabiex jaħdem bħala attur full-time?

“Li kieku tkun għal ftit taż-żmien, iva lest li nagħmilha iżda ma nimmaġinanix mingħajr is-sajd, il-baħar, il-luzzu u fuq kollox il-qabda sabiħa li ġieli nagħmel tal-ħut. Kieku jkolli nieqaf għal xi proġett nagħmilha bil-qalb kollha iżda żgur ma nagħmilhiex b’mod permanenti. Is-sajd hu vokazzjoni, int tagħmlu għax tħobbu u ma tħarisx lejn spejjeż li jista’ jkollok. B’xorti ħażina llum ħafna nies qed jabbandunaw is-sengħat tal-id fejn mhux biss qed jonqsu s-sajjieda iżda wkoll il-bdiewa u ħaddiema oħra fil-qasam tal-manifattura.”

Farrugia ammetta li s-sajjieda Maltin qed jonqsu u qed jiżdiedu dawk barranin. Bla dubju li dan mhux fattur sabiħ iżda dik hi r-realtà.

Farrugia jisħaq li s-sajd jinvolvi ħafna dedikazzjoni, xi kultant jiem sħaħ fil-baħar fejn mhux darba jew tnejn li ltaqgħu ma’ baħar imqalleb u kellhom jirritornaw lura fuq l-art.

Hu jgħid li ġieli nzerta maltemp kbir u hawn fejn is-sajjied irid juri kuraġġ u determinazzjoni kbira.

Minkejja kollox, meta hu jara li ġej il-maltemp ma joħroġx bid-dgħajsa għax mhux galbu.

Iżda fil-futur, Jesmark lest li jaħdem f’xi film ieħor jekk tiġih l-opportunità?

“Iva għaliex le? Jekk ikolli ċ-ċans nieħdu żgur għax nammetti li minkejja li qatt ma ħdimt fil-parti ta’ attur, ħadt pjaċir ħafna nagħmel parti minn dan il-proġett li rnexxa bla mistenni. Nerġa’ nirringrazzja lil dawk kollha li wrew fiduċja fija u naħseb li kont kapaċi nirreċiproka bl-aqwa mod possibbli. Kien riskju kbir li huma għamlu u li jien għamilt li stajt sabiex noħroġhom ta’ nies.”

Finalment, din tlabna lil Jesmark Farrugia sabiex iwassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jsiru atturi jew inkella li tinqalagħlhom opportunita’ bla mistenni kif ġara lilu.

“L-ewwel u qabel kollox, nixtieq ngħid li jekk tiġik opportunità prestiġġjuża mhux bilfors ta’ film jew produzzjoni televiżiva, iżda xi ħaġa oħra li taraha attraenti, tant toqgħod taħsibha għax kif jgħidu l-ftira sħuna tajba.”

Sport