L-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA) ħarġet sejħa għall-offerti għall-iżvilupp tal-European Digital Identity (EUDI) Wallet ta’ Malta, pass importanti fil-vjaġġ ta’ trasformazzjoni diġitali tal-pajjiż u fl-implimentazzjoni tal-European Digital Identity Framework.
Permezz ta’ dan il-proġett, Malta qed tieħu l-pass li jmiss lejn l-introduzzjoni ta’ soluzzjoni sigura u affidabbli għall-identità diġitali, li tippermetti lill-utenti jaċċessaw servizzi b’mod aktar faċli, filwaqt li jkollhom kontroll akbar fuq kemm u ma’ min jaqsmu l-informazzjoni tagħhom.
Iċ-ċittadini u r-residenti Maltin se jkunu jistgħu jużaw il-EUDI Wallet sabiex jidentifikaw ruħhom b’mod sigur online u personalment, jivverifikaw l-età tagħhom meta jkun meħtieġ, jaħżnu dokumenti importanti bħal-liċenzja tas-sewqan, kif ukoll jiffirmaw elettronikament. Din se tkun tista’ tintuża kemm f’Malta, kif ukoll madwar l-Unjoni Ewropea.
L-MDIA, li ġiet fdata biex tmexxi l-implimentazzjoni tal-European Digital Identity Wallet ta’ Malta, se tkun responsabbli mill-iżvilupp ta’ din is-soluzzjoni u mis-sistemi meħtieġa biex taħdem b’mod sigur u tkun kompatibbli ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal kif, “Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tagħna li nħaddnu teknoloġiji innovattivi li jtejbu l-esperjenzi ta’ kuljum u jsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala nazzjon avvanzat diġitalment.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta, Kenneth Brincat, sostna li, “Dan il-proġett huwa eżempju konkret ta’ kif nistgħu nużaw teknoloġija innovattiva biex noħolqu servizzi aktar siguri, affidabbli u ffukati fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini.”
Is-sejħa hija miftuħa permezz tas-sistema ePPS, https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/prepareViewCfTWS.do?resourceId=13926846, sal-Ħamis 3 ta’ Settembru, u l-partijiet interessati huma mħeġġa jissottomettu l-proposti tagħhom.
