Tlitt żgħażagħ li jinsabu akkużati bil-ħtif tal-bastiment El Hiblu 3 meta kellhom 15, 16 u 19-il sena rispettivament, mistennija li jgħaddi ġuri fejn se jkunu qed jaffaċċjaw akkużi relatati ma’ terroriżmu.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-Avukat Ġenerali ħareġ l-Att tal-Akkuża fil-konfront ta’ Amara Kromah, Abdul Kader u Abdalla Bari. Kader ilu nieqes mis-sajf li għadda u huwa maħsub li ħarab minn Malta. Jekk jinstab, huwa jinġieb f’Malta biex jgħaddi ġuri flimkien mat-tnejn l-oħra. F’każ ta’ ħtija, it-tlieta li huma jistgħu jiġu kkundannati piena ta’ għomor il-ħabs.
Il-każ imur lura għal Marzu tal-2019, bit-tliet żgħażagħ qed ikunu akkużati li ħatfu l-bastiment li salvahom minn fuq il-baħar, wara li beżgħu li l-kaptan kien se jeħodhom lura l-Libja.
Huma kienu nżammu taħt arrest preventiv għal tmien xhur sakemm ingħataw il-libertà proviżorja. Huma qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontra tagħhom u qed jinsistu li kienu qed iservu biss bħala tradutturi għal oħrajn abbord il-vapur, peress li jitkellmu bl-Ingliż u setgħu jikkomunikaw mal-kaptan.
Sadanittant, l-Avukati ta’ Abdalla, Amara u Kader, saħqu li peress li ma ntweriet l-ebda forma ta’ evidenza li kien twettaq xi reat fit-territorju Malti, l-ebda akkuża mressqa ma tista’ titkompla.