Portugiża ta’ 22 sena ġiet arrestat wara investigazzjoni mill-Pulizija b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni tad-droga. Hija ġiet arrestata lbieraħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li fil-pussess tagħha nstabu madwar erba’ kilos sustanza suspettata droga eroina.
Il-mara twaqqfet mill-Pulizija hekk kif waslet Malta b’titjira minn Pariġi, Franza, wara informazzjoni li x’aktarx kienet qiegħda ġġorr sustanza llegali. Assistiti minn uffiċjali tad-Dwana, il-Pulizija fetħu l-bagalja u f’qiegħ falz instab pakkett kbir li fih kien hemm l-allegat droga, b’valur fit-triq ta’ madwar €520,000.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima ġiet infurmata u ħatret inkjesta.
Il-mara qiegħda tinżamm arrestata fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistennija titressaq il-Qorti aktar tard illum, għall-ħabta tal-11:00 a.m quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia.