Wednesday, July 23, 2025

Tinstab l-arma li ntużat fil-qtil ta’ Jean Paul Busuttil

Aqra wkoll

Rapporti qegħdin jgħidu li nstabet l-arma tan-nar li allegatament intużat fil-qtil ta’ Jean Paul Busuttil fil-Bidnija. L-istess rapporti qalu li l-arma nstabet it-Tlieta qrib ix-xena tad-delitt.

B’rabta ma’ dan il-każ, tressaq fil-Qorti Mohamed Hamdan, Libjan ta’ 46 sena, imwieled ġewwa s-Sirja iżda residenti l-Bidnija u ġie mixli bil-qtil ta’ Busuttil. Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-Qorti nstema’ kif nhar id-29 ta’ Ġunju li għadda, kien sar rapport lill-Pulizija dwar kolliżjoni għall-ħabta tas-6.30 a.m., li aktar tard irriżulta li l-persuni involuti kienu l-imputat u l-vittma.Il-Prosekuzzjoni spjegat li konsegwenza ta’ din il-kolliżjoni nqala’ argument fil-preżenza tal-uffiċjal tal-komunità.

Żied jingħad li allegatament l-imputat telaq minn fuq il-post bil-mutur tat-tifel tiegħu u reġa’ ġie lura tliet minuti wara fejn allegatament ħareġ arma tan-nar u beda jispara fuq il-vittma bil-konsegwenza li dan tilef ħajtu ftit minuti wara fi triqtu lejn l-isptar.

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li meta wasal is-Surġent fuq il-post, kien sab lill-imputat u meta staqsieh jekk ġewx sparati xi tiri, l-imputat allegatament qallu “iva, jiena sparajt”.Hamdan qiegħed jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, bil-każ fil-konfront tiegħu mistenni li jibda jinstema’ fil-jiem li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport