Thursday, December 19, 2024

Tintemm it-tfittxija għas-sottomarin … il-vetturi li joperaw b’mod remot fuq il-qiegħ tal-baħar għalissa se jibqgħu fuq is-sit

Aqra wkoll

It-tfittxija għas-sottomarin turistiku li għeb fl-Atlantiku waqt għadsa lejn it-tifrik tat-Titanic kważi ġimgħa ilu ġiet fi tmiemha wara li lbieraħ ġie konfermat li l-ħames persuni abbord mietu kaġun ta’ dik li qed tissejjaħ implużjoni katastrofika.

Il-konferma li l-ekwipaġġ abbord mietu kollha tfisser li l-operazzjoni ta’ tfittxija massiva li tnediet fl-ibħra tal-Oċean Atlantiku għandha prijoritajiet ġodda: dik li jsir magħruf eżatt x’ġara u x’wassal għat-telfien tas-sottomarin siegħa u 45 minuta wara li beda l-għadsa u meta kien wasal f’fond ta’ 3,500 metru.

It-telf tas-sottomarin bil-persuni abbord ġie kkonfermat wara missjoni ta’ tfittxija enormi. Iżda għad fadal ħafna mistoqsijiet dwar x’ġara eżatt. Ir-Rear Admiral Mauger qal li ma jistax jikkonferma jekk il-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti tkunx tista’ ssib il-katavri tal-vittmi jew le, filwaqt li stqarr li l-qiegħ tal-Atlantiku huwa ambjent qalil li ma jaħfirha lil ħadd. Żied jgħid li f’dan l-istadju m’hemmx skeda ta’ żmien għal meta jkollhom jitwaqqfu l-operazzjonijiet remoti fuq il-qiegħ tal-baħar.

Se jkun essenzjali li jinġabru kemm jista’ jkun mit-tifrik tat-Titan, inklużi biċċiet tal-fibra tal-karbonju li parti mill-bastiment kienet magħmula minnha, sabiex l-awtoritajiet jibnu stampa ta’ dak li ġara.

Paul Hankin, espert taħt il-baħar, spjega li t-tfittxija s’issa sabet ħames biċċiet kbar ta’ debris biex tikkonferma li kienu tas-sottomarin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OceanGate, Stockton Rush, kien ukoll parti mill-ekwipaġġ, flimkien mal-eks għaddas esprt tal-flotta Franċiża Paul-Henry Nargeolet. F’dan l-istadju mhuwiex ċar liema aġenzija se tmexxi l-investigazzjoni peress li m’hemm l-ebda protokoll għal inċidenti bħal dawn. Skont l-Ammiral Mauger, din hija partikolarment kumplessa minħabba li l-inċident kien seħħ f’parti remota tal-oċean, li kien jinvolvi nies ta’ nazzjonalitajiet differenti. Iżda wara li s’issa kellha rwol ewlieni fl-operazzjoni, il-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti x’aktarx li tkompli jkollha parti importanti fl-investigazzjoni.

Il-vetturi li joperaw b’mod remot (ROVs) fuq il-qiegħ tal-baħar madwar it-Titanic għalissa se jibqgħu fuq is-sit.

Il-biċċiet li nstabu jinkludu parti mill-imnieħer u l-qniepen tat-tarf ta’ quddiem u ta’ wara tat-Titan.

Dawk involuti fi kwalunkwe inkjesta se jkunu qed ifittxu li jikkonfermaw it-teorija li implużjoni kkawżat l-imwiet ta’ dawk abbord Titan u, jekk iva, meta u għaliex seħħet. Sors potenzjali ieħor ta’ informazzjoni dwar x’ġara eżattament lil Titan jistgħu jkunu l-idrofoni – mikrofoni taħt l-ilma li jintużaw biex jisimgħu testijiet ta’ armi atomiċi illeċiti. L-idrofoni setgħu qabdu t-tarf tal-OceanGate Titan u jistgħu jagħtu ż-żmien eżatt għal meta seħħet it-traġedja.

Intant, wara din it-traġedja, ħafna persunaġġi taw fehmiethom dwar x’seta ġara u x’ħassew għat-telfa tal-ekwipaġġ li tnejn minnhom, Stockton Rush u Paul-Henry Nargeolet huma magħrufa sew bħala esperti professjonali tal-għads fil-fond.

James Cameron, Direttur tal-Films ta’ Hollywood li fl-1997 idderieġa l-film Titanic u li wettaq 33 għadsa fuq it-tifrik tat-Titanic qal li meta sar jaf li s-sottomarin Titan kien tilef kemm in-navigazzjoni kif ukoll il-komunikazzjoni tiegħu fl-istess ħin, immedjatament issuspetta li kien hemm diżastru. Huwa esklama hekk: “Ħassejt fl-għadam tiegħi dak li kien ġara. Biex l-elettronika, is-sistema ta’ komunikazzjoni u t-transponder tat-traċċar tas-sottomarin waqfu fl-istess ħin kien ifisser li t-Titan intilef.”

Id-direttur kompla qal li meta sar jaf li l-komunikazzjoni ntilfet istantanjament, ħass li ġrat xi ħaġa katastrofika għaliex ma tistax titlef il-komunikazzjoni u n-navigazzjoni flimkien mingħajr avveniment katastrofiku estrem jew avveniment katastrofiku għoli u enerġetiku ħafna. U l-ewwel ħaġa li faqqgħet f’moħħu kienet implużjoni.

Cameron sostna wkoll li kien hemm “ironija terribbli” fit-telfa tat-Titan u l-ekwipaġġ tiegħu, u qabbilha mat-telfa tat-Titanic innifsu lura fl-1912. “Issa għandna relitt ieħor li sfortunatament huwa bbażat fuq l-istess prinċipji li ma ngħatax kas it-twissijiet”.

Qal ukoll li l-kumpanija OceanGate li topera vjaġġi turistiċi lejn it-tifrik tat-Titanic ġiet imwissija minn xi wħud fi ħdan il-komunità tal-għads fil-fond li f’ittra li kitbu esprimew it-tħassib tagħhom li l-kumpanija kienet miexja f’direzzjoni katastrofika.

Ekonomija

Sport