Miktub mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici
Għall-istudenti u l-edukaturi din is-sena skolastika kienet waħda differenti għal kollox. Kienet sena skolastika li rat sfidi u wkoll opportunitajiet ġodda. Sfidi li ġew minħabba l-egħluq tal-iskejjel b’mod ħesrem minħabba l-imxija tal-COVID-19, imma sfidi li wasslu għal opportunitajiet.
Din il-ġimgħa nħarsu lura lejn din is-sena skolastika straordinarja meta bħalissa ħafna mill-iskejjel qed jorganizzaw attivitajiet li jimmarkaw tmiem din is-sena ta’ tagħlim. Attivitajiet li s-soltu jkunu ċelebrazzjoni fl-iskejjel u stituzzjonijiet edukattivi, imma li din is-sena qed ikunu ċċelebrati b’mod differenti.
U hawnhekk tidħol it-teknoloġija tal-informatika, għax dawn l-End of School Celebrations qed isiru permezz ta’ laqgħat virtwali. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qiegħed jingħaqad ukoll ma’ wħud minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u ma naqasx jgħidilna, “Qed nieħu gost niltaqa’ mal-istudenti u l-edukaturi tagħna f’din l-atmosfera ferriħija, għalkemm naħseb li lkoll xtaqna li nkunu fil-postijiet tal-iskejjel, niċċelebraw flimkien. Imma din is-sena dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed isiru bi sfond tal-isfidi li ġabet magħha l-COVID-19.”
Iċ-ċelebrazzjonijiet qed ikunu emozjonanti, din is-sena aktar mis-soltu. Fi snin ejja ngħidu ‘normali’ skolastiċi, bejn l-istudenti u l-edukaturi tagħhom titwieled relazzjoni mill-qrib, bl-edukatur isir it-tieni ġenitur għal uliedna. Għalhekk tmiem is-sena skolastika ġġib magħha tmiem relazzjoni mhux biss bejn edukatur u student, imma wkoll relazzjoni li tmur ‘l hinn minn hekk. U din is-sena kienet ukoll firda li damet ġimgħat sħaħ, minħabba li l-egħluq tal-iskejjel wasslet biex l-edukazzjoni ssir onlajn, bin-nuqqas tal-kuntatt fi klassi, imma min naħa l-oħra l-edukaturi daħlu b’mod virtwali fid-djar tal-istudenti u l-istudenti daħlu fid-djar tal-edukaturi tagħhom.
“Dan seta’ jkun possibbli bil-ħidma tad-Dipartiment u l-Ministeru għall-Edukazzjoni li mall-ewwel ħa din l-isfida u biddilha f’riżultat pożittiv ħafna”, qalilna l-Ministru Bonnici, “Filfatt mall-ewwel skatta pjan li tajnieħ prijorità assoluta biex it-tagħlim jibqa’ għaddej permezz ta’ tablets u laptops. Tajjeb li ngħid li hawnhekk kien ta’ benefiċċju kbir il-proġett One Tablet Per Child għall-istudenti tal-Year 4, 5 u 6. Imma aħna rajna li kull student ikollu mezz teknoloġiku biex ma jħossux maqtugħ mill-istudenti sħabu. Tajjeb li nfakkar li anki lil studenti vulnerabbli rajna li nagħtuhom b’self tablet jew lap top. Tajna 284 u wkoll tajna 162 provista ta’ internet b’xejn lil dawn l-istudenti li jaqgħu taħt dik li hija magħrufa bħala Skema 9.”
Tmiem sena skolastika li rat ukoll inizjattivi sbieħ għaddejjin mhux biss mill-edukaturi u l-istudenti imma wkoll inizjattivi min naħa tal-Ministeru.
Li huwa żgur huwa li f’dan il-perjodu rajna l-imħabba lejn il-mestier tagħhom u wkoll lejn l-istudenti tagħhom mill-edukaturi. Qed ngħidu dan għax rajna inizjattivi sbieħ ta’ edukaturi, minn attivitajiet għall-mogħdija tal-ħin oriġinati minnhom stess, attivitajiet kreattivi, kwiżż, tagħlim barra mill-kurrikulu u wkoll dedikazzjoni liema bħala tal-edukaturi li fehmu l-abiltajiet varji tal-istudenti fejn tidħol it-teknoloġija tal-informatika u b’għożża ħarġu ‘l barra mil-ħinijiet tagħhom biex jaraw li kull student kien qiegħed ilaħħaq ma’ dak ofrut minnhom.
“Dan huwa b’żieda ma’ dak kollu li ppreparajna aħna mill-Ministeru. U dan huwa s-sabiħ ta’ sfidi li jiddawru f’opportunitajet,” kompla jgħidilna l-Ministru Bonnici. Tant li anki fejn jidħol tagħlim onlajn, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni wkoll ħareġ bl-unuri b’siti dedikati għal dan il-għan u bit-tnedija ta’ teleskola, sit b’iktar minn 1,000 lezzjoni u attività għall-istudenti kollha mis-snin bikrin sa tmiem is-sekondarja. Dan apparti TeleskolaTV u l-programmi ta’ qari fuq ix-xandir nazzjonali.
Il-Ministru Owen Bonnici qalilna li l-ministeru mill-ewwel ġurnata tal-għeluq temporanju tal-iskejjel ra li jqiegħed riżorsi online biex l-istudenti u l-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom bl-iktar mod faċli. Teleskola.mt huwa miżgħud b’faċilitajiet interattivi u kontenut”.
Filfatt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħa immedjatament approċċ proattiv biex jappoġġja l-istituzzjonijiet edukattivi kollha ħalli dawn jgħaddu mit-tagħlim tradizzjonali fil-klassijiet lejn tagħlim u servizzi mill-bogħod u onlajn. Fis-settur tal-edukazzjoni obbligatorja, twaqqaf immedjatament grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti mill-Istat, il-Knisja u s-Settur Indipendenti, flimkien mal-Malta Union of Teachers. L-ambitu tal-grupp ta’ ħidma kien li jesplora metodi ta’ tagħlim onlajn matul dan il-perjodu, kif ukoll li jesplora l-impatt tal-għeluq tal-iskejjel fuq il-kurrikulu. Il-grupp kien katalist importanti biex jipprovdi linji gwida lill-iskejjel fis-setturi kollha kif ukoll biex jappoġġa t-tagħlim onlajn.
Il-Ministeru waqqaf minnufih websajt u linja telefonika għall-edukaturi li żviluppat f’għodda imprezzabbli għall-edukaturi hekk kif imxew biex jadattaw għat-tagħlim onlajn. Ġie stabbilit ukoll repożitorju ta’ riżorsi edukattivi fuq www.curriculum.gov.mt, li mbaghad gie evolut ghal teleskola.mt
Dawn l-isfidi ġabu wkoll il-pożittiv. Wieħed mill-aspetti pożittivi ta’ din is-sitwazzjoni estremament impenjattiva huwa kif l-istituzzjonijiet edukattivi jridu jħarsu lejn l-litteriżmu diġitali. Il-prattiċi tajbin li ġew żvillupati u għad qed jiġu żviluppati f’dan il-perjodu għandna nibnu fuqhom. B’dan il-mod nistgħu nħarsu lejn sitwazzjoni li biha l-istudenti jsiru studenti aktar indipendenti permezz tal-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali pożittivi.
Il-Ministru Bonnici qalilna, “huwa ċar ħafna li l-ebda ammont ta’ tagħlim onlajn ma jista’ jirreplika l-esperjenza sabiħa ta’ komunità skolastika vibranti u dinamika li tasal għand l-istudenti kollha. L-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi jibqgħu stituzzjonijiet importanti fis-soċjetà tagħna. Madankollu, għandna nħarsu lejn l-esperjenza pożittiva li kellna matul din is-sena skolastika minn kull lat tagħha. Għandna nħarsu lejn il-ħiliet diġitali pożittivi żviluppati f’dan il-perjodu u minnhom nisiltu l-esperjenzi tajbin li ħadna għall-ġid tal-esperjenza skolastika l-ġdida li għandha titwieled mas-sena skolastika li jmiss”.
Fuq kollox inħarsu lejn Settembru li ġej meta se nerġgħu niftħu l-bibien tagħna tal-iskejjel għan-normalità li tant qed nieħdu gost nerġgħu ngħixu flimkien.