Saturday, March 28, 2026

Tintensifika l-ħidma fuq it-twettiq tal-manifest elettorali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bħalma għamilna ħafna xogħol biex nibqgħu nimplimentaw dak li wegħedna, il-ħidma tagħna trid tkun iffokata fuq li naraw li l-akbar għadd possibbli ta’ miżuri li ġew imwiegħda qabel l-aħħar elezzjoni jiġu indirizzati.”

Iddikjara dan il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi f’intervista li ta lil dan il-ġurnal fl-okkażjoni tar-raba’ sena minn meta l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela ngħata l-akbar mandat elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana. Ta’ min jinnota li fil-jiem li għaddew, il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern diġà implimenta 82% tal-proposti elenkati fil-manifest elettorali Malta Flimkien. 

Ma’ L-Orizzont, il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma kif l-elezzjoni ġenerali tal-2022 kienet waħda partikolari għaliex pajjiżna kien ħiereġ mill-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid u ftit wara l-Ewropa bdiet taffaċċja l-kriżi tal-gwerra fl-Ukrajna. 

“Għalkemm konna għaddejjin minn żmien daqstant diffiċli, bil-bilanċ li rnexxielu joħloq il-Gvern, l-ekonomija Maltija qatt m’għotrot u fil-fatt, l-ekonomija tagħna hi waħda mill-ftit li ma damitx wisq biex terġa’ tirranka u timxi ’l quddiem. Ma rridux ninsew li waqt il-pandemija, il-Gvern sostna lin-negozji biex ma jintilfux l-impjiegi.”

“Imbagħad daħlet sfida oħra – il-kwistjoni dwar l-impatt li kien hemm fuq il-prezzijiet tal-enerġja. Filwaqt li f’pajjiżi oħra, il-piż li ġab miegħu l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, kien intefa’ fuq in-nies, f’pajjiżna l-Gvern daħal biex jgħin fuq dak il-piż,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi. “Irnexxielna nkunu l-pajjiż tat-tkabbir ekonomiku, tal-ħolqien tal-ġid u tal-ħolqien tax-xogħol.” 

Huwa fakkar li fl-2022, il-poplu kellu għażla quddiemu bejn forza politika li ma tafx fejn se tieħu l-pajjiż għal forza politika li ra l-poplu xi tfisser b’mod partikolari fi żminijiet diffiċli. Fl-istess waqt, ippreżenta manifest b’1,000 proposta li kienu maħsuba minkejja dawn l-isfidi kollha.

“L-elezzjoni ġenerali tal-2022 kienet waħda partikolari ħafna għaċ-ċirkostanzi kollha però xorta waħda l-PL mar quddiem il-poplu bi pjan, li qiegħed jitwettaq,” tenna l-Ministru.

Huwa qal li d-dekasteru li kien ġie fdat lilu fil-bidu tal-leġiżlatura kien ifisser sfidi ġodda, temi li huma kompletament differenti minn dak li kien jagħmel qabel. Fl-istess ħin kienet opportunità biex anke f’dawn l-oqsma jinbdew numru ta’ riformi.

Huwa semma kif meta kien serva bħala Ministru responsabbli mill-qasam tal-Ippjanar u x-Xogħlijiet Pubbliċi, saret ħidma fuq żewġ riformi importanti ferm – dik marbuta mas-sistema tal-liċenzjar tal-kuntratturi u anke r-riforma relatata mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Dwar il-qasam tal-artijiet, huwa qal li “ħarisna lejn diversi kwistjonijiet inkluż l-introduzzjoni ta’ skemi ġodda li komplew jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Awtorità tal-Artijiet. Konna tellaqna wkoll riforma ewlenija oħra bil-għan li sal-2035 Malta kollha ssir Żona ta’ Reġistrazzjoni Obbligatorja għall-proprjetà kollha.” 

Sadanittant, f’Mejju li għadda, huwa kien reġa’ ġie fdat bir-responsabbiltà tal-fondi Ewropej waqt li kompla jsegwi l-andament tal-implimentazzjoni tal-programm elettorali. 

Huwa rrefera għal diversi proġetti li huma kofinanzjati b’fondi Ewropej fosthom dak tat-tieni internector bejn Malta u Sqallija. Barra minn hekk, hemm ukoll proġetti oħra fil-qasam tal-enerġja fejn tidħol id-distribuzzjoni kemm  tad-dawl kif ukoll xogħol ieħor fejn jidħol l-ilma fost oħrajn.

Il-Ministru Zrinzo Azzopadi fakkar ukoll li dan il-Gvern irnexxielu jikkonkludi l-proġett tal-one device per child, li minbarra li huwa kofinanzjat minn fondi Ewropej, kienet wegħda elettorali importanti anke fid-dawl ta’ dak li qed inħarsu ’l quddiem li pajjiżna jkollu aktar ħiliet diġitali.

“Ta’ kuljum taħdem mal-kollegi Ministri kollha biex imbagħad naraw kif ninvestu dawn il-fondi. Impenn ewlieni hu li naraw li dawk il-proġetti finanzjati bil-fondi tal-UE jitlestew, jitlestew tajjeb u skont il-ħin,” tenna jgħid il-Ministru.

It-tieni parti tal-intervista mal-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi se tiġi ppubblikata fil-ħarġa ta’ għada ta’ IT-TORĊA. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport