Tuesday, December 24, 2024

Tintlemaħ statwa ta’ Vladimir Lenin f’belt fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Statwa tal-eks mexxej tal-Unjoni Sovjetika, Vladimir Lenin, għadha kemm intlemħet f’Henichesk l-Ukrajna – belt li tinsab taħt il-kontroll tar-Russja. Dan kien ikkonfermat ilbieraħ permezz ta’ ritratti li nxterdu fuq il-midja soċjali, liema ritratti juru l-istatwa ta’ Lenin quddiem il-kunsill ta’ Henichesk u saħansitra fuq il-bejt tal-istess bini hemm ukoll bandiera Russa.

Il-preżenza ta’ din l-istatwa kienet ikkonfermata minn deputat Ukren għal Kherson, Yuri Sobolevsky, permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali.

L-istatwa oriġinali ta’ Lenin kienet tneħħiet madwar seba’ snin ilu, meta fis-16 ta’ Lulju 2015 ħarġet ordni mill-kunsill ta’ din l-istess belt favur it-tneħħija tal-istatwa bħala tbegħid mill-Komuniżmu. Huwa rrappurtat li Henichesk kienet waħda mill-aħħar ftit bliet f’dawk l-inħawi li kien għad kellha l-istatwa ta’ Lenin.

Minkejja li grupp ta’ attivisti fil-Belarus huma tal-fehma li l-moħħ wara t-tqegħid  tal-istatwa ta’ Lenin f’Henichesk mhu ħadd ħlief ir-Russi, s’issa għad m’hemmx evidenza li tikkonferma dan.

Ekonomija

Sport