Sunday, December 22, 2024

Tinżel għal 2% ir-rata ta’ inflazzjoni fir-Renju Unit f’Mejju 

Aqra wkoll

L-inflazzjoni tar-Renju Unit niżlet għal 2% f’Mejju. Dan ifisser li din reġgħet lura għar-rata fil-mira uffiċjali għall-ewwel darba fi kważi tliet snin. L-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali, l-ONS qal li l-pressjonijiet tal-prezzijiet naqsu bejn April u Mejju.

Il-midja internazzjonali rrappurtat li l-prezzijiet baxxi se jagħtu spinta wkoll lill-Prim Ministru Rishi Sunak, hekk dan kien qal li l-inflazzjoni se tkun ta’ prijoritá għalih u li l-għan ewlieni tiegħu hi li kollox ikun taħt kontroll. 

It-tnaqqis fl-inflazzjoni kien konformi mat-tbassir ta’ wħud mill-ekonomisti. Din hija wkoll l-ewwel darba li l-inflazzjoni laħqet il-mira ta’ 2% tal-Bank minn Lulju 2021. Il-Bank mistenni jżomm ir-rati tal-imgħaxx f’5.25%. 

Il-Bank għandu l-għan li jżomm l-inflazzjoni għal madwar 2%. Ċifri mill-ONS wrew li naqsu l-prezzijiet tal-ikel u x-xorb flimkien mal-għamara u l-prezzijieit tal-oġġetti tad-dar.

L-inflazzjoni ewlenija żdiedet bi 3.5% fit-12-il xahar sa Mejju, ‘l isfel minn 3.9% f’April. Iż-żieda fil-prezz tas-servizzi, li naqas minn 5.9% għal 5.7%, kien wieħed mill-fatturi ewlenin li żamm l-inflazzjoni ewlenija elevata.

Ekonomija

Sport