Saturday, May 18, 2024

Tippreżenta teżi ta’ Karmenu Mifsud Bonnici għal-librerija tal-parlament

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fost dawk li kellhom iċ-ċans li jikkontribwixxu fit-tifkira ta’ Karmenu Mifsud Bonnici fil-Parlament kien hemm il-membru parlamentari Paula Mifsud Bonnici li min-naħa tagħha tat il-lat personali ta’ min kien dan il-persunaġġ. “Wara kull politiku hemm persuna. Iz-ziju Karm kien politiku u forsi ħafna nies ma kienux jafu min kien il-persuna. Fil-familja, għalina, ma kienx il-politiku. Kien biss il-persuna li, għax għandna rispett kbir lejn xulxin ma ħallejna lil ħadd u lil xejn, jifridna. Il-politika kienet ineżistneti fil-familja tagħna. Jien irrid nibqa’ niftakar liz-ziju Karm bħala dak li ħabb lill-qraba, li kien jeħodna l-baħar bil-Beetle u dak li kien jintilef jaqra l-kotba u t-teżijiet,” qalet Mifsud Bonnici.

Fl-intervent tagħha hija fakkret kif meta Karmenu kien Prim Ministru, kien jagħti ċ-ċavetta tiegħu lill-pulizija biex dan tal-aħħar ma joqgħodx barra iżda jistkenn u jistrieħ fil-karozza tiegħu fejn żiedet tgħid li, “flok kien iqajmu, kien jimxiha sa Kastilja”. In-neputija qalet li zijuha, iċ-ċekk li kien jingħata bħala Prim Ministru kien iqassmu lil min kien bil-ġuħ u min kien verament fil-bżonn. Fakkret kif Karmenu kien ukoll jagħmel minn kollox għall-ħaddiem u min kien batut.

“Iz-ziju Karm kien enċikopedija ta’ tagħrif u kien istruwit ħafna. Niftakru bħala dak iz-ziju li bata ħafna tul is-snin minħabba li saħtu kienet batut. Minkejja kollox, huwa qatt ma kien igerger. Kien jirrispetta lil kull wieħed u waħda minna u fhimna għaliex ma ried funeral statali. Aħna konna qegħdin insegwu x-xewqa tiegħu,” spjegat Paula Mifsud Bonnici. Hawnhekk hija għamlet il-ġest sabiħ fejn ippreżentat fil-parlament it-teżi ta’ Karmenu Mifsud Bonnici li kien għamel fuq ir-relazzjonijiet industrijali biex “mil-librerija ta’ Karmenu tgħaddi għal-liberija ta’ dan il-parlament”, ġest li ngħata applawż ta’ apprezzament mill-membri kollha preżenti fil-Kamra.

Sport