Saturday, May 4, 2024

Tirritorna l-edizzjoni speċjali tal-Festival Malti tal-Ikel Internazzjonali fix-Xewkija

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li din is-sena se tirritorna l-edizzjoni speċjali tal-Festival Malti tal-Ikel Internazzjonali bejn il-Ġimgħa 5 u s-Sibt 6 ta’ Awwissu fil-pjazza tax-Xewkija. Dawn se jkunu żewġ iljieli ta’ ċelebrazzjoni kulinarja minn madwar id-dinja fejn wieħed jista’ jesperjenza t-tjubija tal-ikel Ażjatiku, il-kwalità tal-ikel Mediterranju, l-aqwa tal-platt Ewropej u l-ġenwinità tal-ikel Għawdxi.

Il-Ministru Camilleri qal li, “Dan l-avveniment tas-sajf stabbilixxa ruħu fil-kalendarju kulturali Għawdxi u huwa wieħed mill-aktar popolari li jsiru fil-gżira Għawdxija, tant li jattira lejh diversi Għawdxin, Maltin u turisti.” L-ikel huwa parti integrali mill-kultura u s-soċjetà tagħna l-Maltin u għal bosta huwa opportunità ta’ għaqda fejn bħala komunità niċċelebraw dak li jgħaqqadna.

Matul l-avveniment wieħed jista’ jduq ukoll għażla wiesgħa ta’ birrer u inbejjed lokali u internazzjonali filwaqt li jgawdi minn atmosfera unika minn mużiċisti li se jdoqqu mużika live fl-isfond tar-rotunda tax-Xewkija.

Is-Sindku tax-Xewkija Hubert Saliba rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u lill-organizzaturi ta’ dan il-festival, li għal darb’oħra għażlu l-lokalità tax-Xewkija filwaqt li awgura li din l-edizzjoni tkun suċċess bħas-snin preċedenti.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Avveniment Jonathan Pace spjega kif bħala organizzaturi din is-sena qedgħin jiffukaw fuq il-versatilità, b’aktar minn 100 platt differenti minn madwar id-dinja se jkun servut minn madwar 20 esibitur li se jkunu qegħdin joffru l-aqwa ikel minn bosta pajjiżi minn madwar id-dinja. Din hija okkażjoni ideali sabiex wieħed jiċċelebra s-sajf Malti f’Għawdex. Għal dawk li jħobbu l-ħlewwiet se jkun hemm ukoll għażla wiesgħa ta’ ħelu Għawdxi u ta’ ġelati u ħlewwiet oħra partikolarment Mediterranji.

Se tintrama wkoll żona speċjali għat-tfal li se tinkludi wkoll ikel adattat għalihom. 

Is-servizz tal-linja se jkun qiegħed jopera b’rotot miżjuda mix-xatt tal-Imġarr sax-Xewkija u lura bir-rotta 323. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit www.maltainternationalfoodfestival.com.

Sport