Monday, April 29, 2024

Annual Live Concert 2022 jirritorna fil-Mellieħa

Aqra wkoll

Il-Junior Choir and Orchestra, fi ħdan l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tal-Mellieħa, se tkun qiegħda ttella’ kunċert annwali bl-isem ta’ Annual Live Concert 2022 nhar it-Tnejn l-1 t’Awwissu fi Triq il-Parroċċa l-Mellieħa, eżattament quddiem is-sede tal-istess Għaqda wara nuqqas ta’ sentejn. 

Dan il-kunċert, li se jkun magħmul minn nukleu ta’ mużiċisti tfal u żgħażagħ Melleħin u kif ukoll studenti ta’ din l-istess Għaqda, se jkun jikkonsisti minn għażla vasta ta’ mużika li tolqot il-gosti ta’ kulħadd, fosthom mużika klassika, mużika pop, mużika tal-films, mużika moderna u ħafna aktar. The Junior Choir and Orchestra se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Wayne Bartolo, filwaqt li l-kor ġie ppreparat minn Kristina Marie Vella. Dan kollu jibda fis-19:30 p.m. u huwa miftuħ għall-pubbliku. Dan il-kunċert qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ bis-saħħa tal-iskema A4U mnedija minn din l-istess aġenzija.  

Din is-sena, l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina qiegħda tiċċelebra l-75 sena mit-twaqqif tagħha. Għalhekk, nhar il-Ġimgħa 19 t’Awwissu, se jkun qiegħed isir kunċert ieħor minn din l-istess Għaqda fl-istess post sabiex jitfakkar dan l-anniversarju. 

L-appuntament annwali ta’ din l-Għaqda ikun nhar il-Ħamis l-1 ta’ Settembru, fejn l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina ttella’ l-kunċert annwali fil-Pjazza tal-Parroċċa fl-okkażżjoni tal-festa ta’ Marija Bambina fil-Mellieħa, kunċert li kiseb popolarità kbira u li jkun mistenni minn ħafna. Il-kor u l-orkestra se jkunu taħt id-direzzjoni ta’ Mro Michael Bonanno.

Dettalji jingħataw aktar ‘il quddiem. 

Sport